1174/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat- 18 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
1174/2005 • 32005R1174R(01)
Legal Acts - Regulations
- 82 Inbound citations:
- •
- 0 Cited paragraphs:
- •
- 4 Outbound citations:
3.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
L NaN/58
Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 għandu jaqra:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1174/2005
tat-18 ta’ Lulju 2005
li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. MIŻURI PROVIŻORJI
(1)
Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 128/2005 (2) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament bażiku”) imponiet dazju proviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (minn hawn ’il quddiem “PRĊ”).
(2)
Qed jiġi mfakkar li l-investigazzjoni ta’ dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (minn hawn ’il quddiem “IP”). L-eżami ta’ tendenzi rilevanti għall-istima tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2000 sa tmiem il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (minn hawn ’il quddiem “il-perjodu kkunsidrat”).
B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI
(3)
Wara l-impożizzjoni ta’ dazju proviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, li joriġinaw fil-PRĊ, xi partijiet interessati taw kummenti bil-miktub. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.
(4)
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset bħala meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, saret żjara ta’ verifika fil-kwartieri ta’ l-importaturi Jungheinrich AG fil-Ġermanja u TVH Handling Equipment N.V. fil-Belġju.
(5)
Il-partijiet interessati kollha kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv anti-dumping u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju. Huma ngħataw ukoll perjodu biex ikunu jistgħu jressqu sottomissjonijiet wara dan it-tagħrif.
(6)
Il-kummenti verbali u miktuba sottomessi mill -partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn dan kien f’loku, il-konklużjonjiet ġew immodifikati skond hekk.
Ċ. PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
1. Prodott konċernat
(7)
Il-prodott konċernat huwa pallet trucks ta’ l-idejn, ma jimxux weħidhom, użati fit-tqandil ta’ materjali normalment imqiegħda fuq pallets, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, li joriġinaw fil-PRĊ, normalemt dikjarati taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00.
(8)
Xi partijiet interessati tennew l-istqarrijiet tagħhom, stipulati fil-premessa (11) tar-Regolament proviżorju, rigward l-inklużjoni tax-xażi u l-idrawlika għall-fini tal-“prodott konċernat” mingħajr madankollu, ma pprovdew informazzjoni addizjonali jew ġustifikazzjoni. Risposti għal dawn il-kummenti diġà ngħataw fil-premessi (12) u (14) tar-Regolament proviżorju. Ma tressqux punti oħra mill-partijiet konċernati fir-rigward ta’ dawn il-partijiet tar-Regolament proviżorju.
(9)
Huma komplew jargumentaw li: (a) xażijiet u idrawliċi, fuq naħa, u pallet trucks ta’ l-idejn, fuq in-naħa l-oħra, huma prodotti differenti u li ma kienux saru stimi tad-dumping u tad-dannu għal xażijiet u idrawliċi u, għalhekk l-ebda dazju anti-dumping ma jista’ jiġi impost; (b) l-inklużjoni ta’ partijiet mingħajr ma tiġi rispettata l-proċedura ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kienet se tippenalizza b’mod eċċessiv lil dawk li jimmontaw pallet trucks ta’ l-idejn fil-Komunità u (ċ) xażijiet u idrawliċi huma wkoll importati għal skopijiet ta’ manutenzjoni u li l-impożizzjoni ta’ dazju fuq xażijiet u idrawliċi kienet se tippenalizza b’mod eċċessiv lill-utenti attwali.
(10)
Fir-rigward ta’ l-argument li x-xażi u l-idrawlika huma prodotti differenti mill-pallet trucks ta’ l-idejn u li ma kienux saru stimi tad-dannu u tad-dumping fuq ix-xażi u l-idrawlika, huwa nnotat li għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, it-tipi kollha tal-pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom huma kkunsidrati bħala prodott wieħed għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (10) tar-Regolament proviżorju, jiġifieri it-tipi kollha għandhom l-istess bażi ta’ karatteristiċi fiżiċi u l-istess użu. Ma tressqet l-ebda evidenza oħra perssważiva kontra dawn is-sejbiet. Fir-rigward ta’ l-argument li ma kinux saru stimi tad-dannu u tad-dumping fuq ix-xażi u l-idrawlika, qed jiġi mfakkar li dawn il-partijiet essenzjali jaqgħu fi ħdan id-definizzjoni tal-“prodott konċernat”, li għalih id-dumping u d-dannu lill-industrija tal-Komunità ġew stabbiliti kif suppost. Fir-rigward ta’ l-istima tad-dumping b’mod partikolari, instab li l-importazzjonijiet ta’ xażijiet u idrawliċi matul il-perjodi ta’ l-investigazzjoni saru f' ammonti li kienu żgħar wisq biex ikunu rappreżentattivi. B’konsegwenza, kien meqjus xieraq li jkun stabbilit il-marġni ta’ dumping tal-“prodott konċernat”, fuq il-bażi ta’ pallet trucks ta’ l-idejn li għalihom kien hemm disponibbli tagħrif rappreżentattiv u ta’ min joqgħod fuqu.
(11)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-inklużjoni ta’ partijiet essenzjali kienet teħtieġ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku biex ikunu evitati diffikultajiet eċċessivi lil dawk li jimmontaw pallet trucks ta’ l-idejn fil-Komunità, qiegħed jiġi nnotat li l-Artikolu 13 huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-“prodott kkonċernat”. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jirreferi għal numru ta’ prattiċi ta’ evażjoni, li jinkludu l-immontar ta’ partijiet li ma jaqgħux fi ħdan id-definizzjoni tal-“prodott kkonċernat”, kwistjoni li ma teżistix f’dan il-każ. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
(12)
Fir-rigward ta’ l-argument li xażijiet u idrawliċi huma wkoll importati għal skopijiet ta’ manutenzjoni u li l-impożizzjoni ta’ dazju fuq ix-xażijiet u l-idrawliċi kienet se tippenalizza b’mod eċċessiv lill-utenti attwali, huwa nnotat li l-ebda utent ma ressaq ilmenti dwar dan ir-riskju matul il-proċess ta’ l-investigazzjoni. Barra dan, qiegħed jiġi nnotat li l-volum ta’ xażijiet u idrawliċi importati mill-PRĊ matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) mhuwiex sinjifikanti meta mqabbel mal-volum ta’ importazzjonijiet ta’ karrijiet Ċiniżi għall-ġarr bl-idejn tal-pallets. Għalhekk, l-effett fuq il-manutenzjoni ta’ karrijiet qodma għall-ġarr bl-idejn tal-pallets, jekk xejn, ikun minuri u l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
(13)
Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor, il-konklużjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ “prodott konċernat” stipulati fil-premessi (10) u (15) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
2. Prodott simili
(14)
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (16) u (18) tar-Regolament proviżorju li jikkonċernaw il-“prodott simili” huma b’dan ikkonfermati.
D. DUMPING
1. Trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (“MET”)
(15)
Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, tliet produtturi esportaturi u li kkollaboraw stqarrew li kellhom jingħataw it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Tnejn minnhom sempliċiment tennew l-argumenti li kienu diġà ressqu u li għalihom kienet ingħatat tweġiba mill-Kummissjoni fil-premessi (19) u (34) tar-Regolament proviżorju.
(16)
Qiegħed jiġi mfakkar li għal wieħed minn dawn iż-żewġ produtturi esportaturi, li fil-fatt hu kostitwit minn żewġ kumpanniji relatati, l-investigazzjoni stabbilixxiet li ċertu beni kienu mniżżla fiż-żamma tal-kotba ta’ waħda mill-kumpanniji taħt valur sinifikament ogħla mill-prezz tax-xiri li fil-fatt kien tħallas. Instab li dan kien bi ksur ta’ IAS 1 (preżentazzjoni xierqa tal-bilanċi finanzjarji) u IAS 16 (determinazzjoni fil-bidu tal-valur ta’ proprjetà, impjant u makkinarju). Barra dan, il-kumpannija l-oħra instab li kienet qegħda tikser IAS 21 (reġistrazzjoni waqt l-ewwel rikonoxximent ta’ operazzjonijiet f’munita barranija) u IAS 32 (żvelar u preżentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji). Barra minn hekk, l-awdituri tal-kumpanniji ma ndirizzawx dawn il-punti fir-rendikonti finanzjarji, u dan isaħħaħ il-każ li tali verifiki tal-kontijiet jitqiesu bħala mhux imwettqa skond l-IAS. Minħabba li ma tressqet l-ebda evidenza ġdida li setgħet tibdel is-sejbiet ta’ hawn fuq, qed jiġi b’dan ikkonfermat li l-esportatur produttur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni kriterju ta’ l-Artikoli 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.
(17)
Għal produttur esportatur ieħor, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-kanċellazzjoni ta’ self ta’ flus ma kinetx imniżżla tajjeb fiż-żamma tal-kotba tal-kumpannija, u għalhekk affettwat sostanzjalment ir-riżultati finanzjarji tagħha. Instab li dan kien bi ksur ta’ IAS 1 (preżentazzjoni xierqa tal-bilanċi finanzjarji). Barra minn hekk, il-kumpannija bidlet il-metodu taż-żamma tal-kotba dwar miżuri ta’ dejn mitluf mingħajr ma applikat b’mod retroattiv din il-bidla, u għalhekk reġgħet affettwat b’mod sostanzjali r-riżultati finanzjarji. Instab li dan kien bi ksur ta’ IAS 8 (bidliet fil-kriterji taż-żamma tal-kotba). L-awditur, filwaqt li enfasizza l-inkonsistenza fil-bidla taż-żamma tal-kotba fir-rigward ta’ miżuri ta’ dejn mitluf saħansitra b’konnessjoni ma’ standards taż-żamma tal-kotba Ċiniżi, ma ta l-ebda tweġiba għall-problema tas-self. Minħabba li ma tressqet l-ebda evidenza li setgħet tibdel is-sejbiet ta’ hawn fuq, qed jiġi b’dan ikkonfermat li l-esportatur produttur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni kriterju ta’ l-Artikoli 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.
(18)
It-tielet esportatur produttur li baqa’ jitlob it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd, ippreżenta evidenza li turi li l-prattika tiegħu fir-rigward tar-reġistrazzjoni waqt l-ewwel rikonoxximent ta’ operazzjonijiet f’munita barranija, għalkemm f’ċertu każijiet ma kinux formalment skond IAS 21, ma affettwatx ir-riżultati finanzjarji. Ma ġiet identifikata l-ebda problema oħra ta’ kompatibilità ma’ l-IAS fir-rigward taż-żamma tal-kotba tal-kumpannija. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien meqjus xieraq li jiġu riveduti l-konklużjonijiet li jikkonċernaw il-konformità ta’ dan il-produttur esportatur mat-tieni kriterju ta’ l-Artikoli 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u li jingħatalu t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Fir-rigward tal-bqija tal-kunsiderazzjonijiet, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (19) u (34) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
(19)
Qiegħed jiġi nnotat li wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, produttur esportatur Ċiniż li ma kienx qed jikkollabora u l-importatur relatat miegħu fil-Komunità ppreżentaw ċerti kummenti fuq is-sejbiet proviżorji u talbu it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) jew, fl-eventwalità taċ-ċaħda tat-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET), trattament individwali. Il-kumpanniji kienu infurmati li produtturi esportaturi li ma kinux qed jikkollaboraw, jiġifieri dawk il-produtturi esportaturi li ma identifikawx lilhom infushom, ma tawx l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub jew ma pprovdewx informazzjoni fiż-żmien stipulat, ma jistgħux jitolbu t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) jew it-trattament individwali skond id-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikoli 2(7), 5(10), 9(5) u 18(1) tar-Regolament bażiku.
2. Trattament individwali
(20)
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-kontenut tal-premessi (35) sa (37) tar-Regolament proviżorju rigward it-trattament individwali huwa b’dan ikkonfermat.
3. Valur normali
3.1. Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ġew miċħuda t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET)
(21)
Il-Kanada ntgħażlet b’mod proviżorju bħala pajjiż terz ta’ referenza għall-ekonomija tas-suq biex jiġi stabbilit il-prezz normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħtawx it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, żewġ produtturi esportaturi u importatur tennew l-argumenti tagħhom kontra din l-għażla, kif stabbilit fil-premessa (41) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, ma ressqu l-ebda evidenza oħra verifikabbli biex jappoġġjaw l-argumenti tagħhom.
(22)
Huma komplew jargumentaw li l-għażla tal-Kanada bħala pajjiż terz ta’ referenza għall-ekonomija tas-suq ma kinitx tajba għax il-fabbrikanti Kanadiżi tal-pallet trucks ta’ l-idejn iġorru spejjeż ogħla mill-kontrapartijiet Ċiniżi, b’mod partikolari fejn jidħlu spejjeż fuq il-ħaddiema. F’dan ir-rigward, produttur esportatur wieħed talab aġġustament addizjonali għad-differenzi bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu fil-PRĊ u l-ispejjeż tal-produzzjoni fil-Kanada, filwaqt li produttur esportatur ieħor argumenta li l-aġġustamenti għoljin ferm li kienu diġà saru huma indikazzjoni li l-pallet trucks ta’ l-idejn Kanadiżi u Ċiniżi għall-ġarr mhumiex komparabbli.
(23)
F’dan ir-rigward, qed jiġi mfakkar li l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-Kanada għandha suq kompetittiv u rappreżentattiv għall-pallet trucks ta’ l-idejn, li l-faċilitajiet u l-metodi ta’ produzzjoni tal-produtturi Kanadiżi u Ċiniżi huma simili u li kollox ma kollox il-pallet trucks ta’ l-idejn Kanadiżi u Ċiniżi huma komparabbli fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, kif stabbilit fil-premessi (40), (43) and (44) tar-Regolament proviżorju. Barra dan, l-investigazzjoni, stabbilixxiet li l-produzzjoni tal-pallet trucks ta’ l-idejn ma titlobx xogħol intensiv mill-ħaddiema (il-prezz tal-ħaddiema fil-Kanada mhuwiex iktar minn 15 % tal-prezz totali tal-produzzjoni) u, għalhekk, kwalunkwe differenza fil-prezz tal-ħaddiema bejn il-Kanada u l-PRĊ ma taffettwax il-prezz totali tal-produzzjoni b’mod sostanzjali. Għalhekk, l-argument li d-differenzi fl-ispejjeż l-aktar minħabba tal-ħaddiema jwasslu biex l-għażla tal-Kanada bħala pajjiż terz ta’ referenza tkun għażla ħażina, ma jistax jiġi milqugħ.
(24)
Fir-rigward ta’ l-argument li fabbrikanti Kanadiżi jipproduċu pallet trucks ta’ l-idejn bi spejjeż sostanzjalment ogħla minn dawk tal-produtturi kontraparti Ċiniżi, u li b’riżultat ta’ dan hemm bżonn ta’ aġġustament tal-valur normali ibbażat fuq id-differenza fl-ispejjeż bejn il-Kanada u l-ispejjeż tal-produttur esportatur fil-PRĊ, għandu jiġi nnotat li l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur li ressaq l-argument ma ġietx milqugħa minħabba li t-talba tiegħu għal trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) kienet ġiet miċħuda. Dan idgħajjef sostanzjalment l-argument dwar paragun ta’ l-ispejjeż. Konsegwentament, it-talba għandha tiġi miċħuda.
(25)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-aġġustamenti għoljin diġà mogħtija huma indikazzjoni li l-pallet trucks ta’ l-idejn Kanadiżi u Ċiniżi mhumiex kumparabbli, qed jiġi nnutat li t-tipi ta’ prodotti biex jiġu kumparati ġew magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji li huma meqjusa raġonevoli fl-industrija kkonċernata. Il-paragun tat-tipi ta’ prodotti sar fuq il-bażi ta’ ċerti karatteristiċi bażiċi wżati mill-operaturi kollha fis-suq u ma tressqet l-ebda evidenza li turi li dan il-metodu ta’ paragun mhuwiex xieraq, kif stabbilit fil-premessa (43) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
(26)
Ma tressqux argumenti oħra li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu u għalhekk is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (38) sa (48) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
3.2. Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET)
(27)
Minħabba li t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) ingħata lil produttur esportatur wieħed (ara l-premessa (18) hawn fuq), il-valur normali ġie stabbilit kif stipulat hawn taħt skond l-Artikolu 2(1) sa 2(6) tar-Regolament bażiku.
3.2.1. Rappreżentanza ġenerali tal-bejgħ domestiku
(28)
Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, l-ewwel kien eżaminat jekk il-bejgħ fis-suq intern tal-pallet trucks ta’ l-idejn lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ tali bejgħ kienx minn ta’ l-inqas 5 % tal-volum totali ta’ l-esportazzjoni korrispondenti lill-Komunità. Dan kien il-każ għall-produttur esportatur konċernat.
3.2.2. Rappreżentanza speċifika tat-tip ta’ prodott
(29)
Wara dan, kien eżaminat jekk il-bejgħ fis-suq intern tat-tipi ta’ prodott imqabbel mat-tipi ta’ prodott esportat kienx wieħed rappreżentattiv. Għal dan il-għan, l-ewwel kienu identifikati t-tipi komparabbli mibjugħin fis-suq intern. L-investigazzjoni kkunsidrat dawk it-tipi ta’ prodott ta’ pallet trucks ta’ l-idejn mibjugħin fis-suq intern bħala identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi ta’ prodott mibjugħin għall-esportazzjoni lill-Komunità jekk dawn kellhom l-istess kapaċità ta’ rfigħ, l-istess materjal tax-xażi, l-istess daqs tal-frieket, l-istess tip ta’ idrawlika u tip ta’ roti.
(30)
Bejgħ fis-suq intern ta’ tip ta’ prodott partikolari kien meqjus rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali tal-bejgħ fis-suq intern ta’ tali prodott mibjugħ lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tat-tip ta’prodott komparabbli esportat lill-Komunità. Dan kien il-każ għal xi wħud mit-tipi ta’ prodotti kkonċernati.
3.2.3. Verifika ta’ l-operazzjonijet ta’ kummerċ normali
(31)
L-ewwel kien eżaminat jekk il-bejgħ tat-tipi ta’ prodott fis-suq intern mill-produttur esportatur setax jitqies bħala operazzjoni ta’ kummerċ normali skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.
(32)
Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ fis-suq intern lil klijenti indipendenti, ta’ kull tip ta’ prodott esportat, mhux mibjugħ b’telf fis-suq intern matul il-perjodi ta’ l-investigazzjoni (IP):
(a)
għal dawk it-tipi ta’ prodotti fejn 80 % tal-bejgħ (imkejjel b’volum) fis-suq intern ma kienx sar bi prezz inqas mill-prezz ta’ prodott wieħed u fejn il-medja peżata tal-prezz tal-bejgħ kienet daqs jew ogħla mill-medja peżata tal-prezz tal-produzzjoni, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ikkalkulat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ kollu ta’ tali prodott matul il-perjodi ta’ l-investigazzjoni, li tħallsu jew kellhom jitħallsu minn klijenti indipendenti, irrispettivament jekk tali bejgħ kienx bi qligħ jew le;
(b)
għal dawk it-tipi ta’ prodotti fejn mill-inqas 10 %, iżda mhux iżjed minn 80 %, tal-bejgħ (imkejjel b’volum) fis-suq intern ma kienx sar bi prezz inqas mill-prezz tal-produzzjoni ta’ prodott wieħed, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ikkalkulat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq intern għal dak il-bejgħ li sar bi prezz indaqs jew ogħla mill-prezz tal-produzzjoni ta’ prodott wieħed ta’ l-istess tip;
(ċ)
għal dawk it-tipi ta’ prodotti fejn inqas minn 10 % tal-bejgħ (imkejjel b’volum) fis-suq intern kien sar bi prezz mhux inqas mill-prezz tal-produzzjoni ta’ prodott wieħed, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ikkunsidrat li l-bejgħ tat-tip ta’ prodott konċernat ma setax jitqies bħala operazzjoni ta’ kummerċ normali u, għalhekk il-valur normali ma setax jiġi kkalkulat.
3.2.4. Valur normali bbażat fuq il-prezz effettiv fis-suq intern
(33)
Fejn ġew sodisfatti l-kriterji stabbiliti fil-premessi (29) sa (31) u fil-premessa (32)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, il-valur normali tat-tip ta’ prodott li jikkorrispondi kien ibbażat fuq il-prezzijiet li effettivament tħallsu jew kellhom jitħallsu, minn klijenti indipendenti fis-suq intern tal-pajjiż esportatur matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.
3.2.5. Valur normali bbażat fuq valur mibni
(34)
Għal tipi ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-premessa (32)(ċ) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll għal dawk it-tipi ta’ prodotti li ma nbigħux fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq intern, kif imsemmi fil-premessa (30) ta’ dan ir-Regolament, il-valur normali kellu jinbena.
(35)
Sabiex ikun ikkalkulat il-valur mibni skond l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, ir-riżultanti spejjeż ġenerali, amministrattivi u ta’ bejgħ u l-medja peżata tal-qligħ imġarrba mill-produttur esportatur ikkonċernat fir-rigward ta’ bejgħ tal-prodott simili fis-suq intern f’operazzjonijet ta’ kummerċ normali, matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, ġew miżjuda mal-prezz tal-produzzjoni.
4. Prezz ta’ l-esportazzjoni
(36)
Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, ma tressqu l-ebda kummenti dwar id-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni għal bejgħ li sar b’mod dirett lil klijenti indipendenti fil-Komunità. Għalhekk is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (49) tar-Regolament proviżorju dwar id-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku huma b’dan ikkonfermati.
(37)
Għal żewġ produtturi esportaturi, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien mibni b’mod proviżorju għall-bejgħ tagħhom lill-importaturi li magħhom instab li kellhom ftehim ta’ kumpens skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, kif stabbilit fil-premessa (49) tar-Regolament proviżorju.
(38)
Wieħed mill-produtturi esportaturi u l-importatur tiegħu, li għalihom inbnew ċerti prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, argumentaw li r-relazzjoni ta’ bejniethom ma kinetx tali li titlob binja tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u li tali prezzijiet kellhom ikunu bbażati fuq il-prezzijiet effettivi mill-produttur esportatur għall-importatur. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li dawn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu kkundizzjonati minn ftehim bejn il-partijiet, fejn xi prezzijiet ta’ l-iżvilupp tal-prodott kellhom jitħallsu mill-importatur. Minħabba dan il-ftehim ta’ kumpens, il-medja tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għall-importatur kienet sostanzjalment ogħla minn dik għal klijenti indipendenti fil-Komunità. Għalhekk, il-prezzijiet mill-produttur esportatur għall-importatur ma kinux aċċettati bħala bażi għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni. Barra minn hekk, qabel l-għeluq tal-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) il-produttur esportatur u l-importatur saru msieħba. Normalment, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni jkunu mibnija abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lix-xerrejja indipendenti fil-Komunità. Madankollu, f’dan il-każ, in-numru ta’ operazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid matul il-perjodu ta’ l-investigazjoni kien żgħir wisq u l-prezzijiet effettivi ta’ tali operazzjonijiet ma ngħtawx fil-ħin mill-importatur u ma setgħux ikunu verifikati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-bejgħ ma kienx ikkunsidrat fil-kalkolazzjoni definittiva tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni.
(39)
Fil-fatt, dan il-produttur esportatur kellu ammont sostanzjali ta’ bejgħ dirett lil klijenti indipendenti fil-Komunità, liema bejgħ intuża biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ l-esportazzjoni, kif stabbilit fil-premessa (36) ta’ dan ir-Regolament.
(40)
Il-produttur esportatur l-ieħor li għalih kienu mibnija xi prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-importatur ikkomċernat ressqu kummenti dwar is-sejbiet proviżorji fejn argumentaw li ma kien hemm l-ebda arranġament jew ftehim bejniethom li jaqa’ fit-tifsira ta’ assoċjazzjoni jew ftehim ta’ kumpens skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u skond l-Artikolu 2.3 tal-ftehim dwar anti-dumping (ADA) tal-WTO. Għalhekk, l-użu tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ l-importatur lil klijenti indipendenti għall-fini tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, huwa żbaljat.
(41)
Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat minħabba li l-informazzjoni mogħtija mill-esportatur u mill-importatur ma kinetx rikonċiljabbli. Matul iż-żjara ta’ verifika fil-kwartieri tal-produttur esportatur, l-investigaturi kienu infurmati li r-raġuni għaliex il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni bejn il-partijiet kienet ogħla min-normal kienet minħabba arranġament speċjali jew ftehim li kien jeżisti bejn il-produttur esportatur u l-importatur. Barra minn hekk, il-fatturi ta’ l-esportazzjoni kienu kollha jirreferu għal dan il-ftehim. Il-produttur esportatur ċaħad l-eżistenza ta’ ftehim bil-miktub, iżda fisser kif l-importatur ikkonċernat kien lest li jħallas tali prezzijiet iktar għoljin sabiex jikseb u jżomm l-esklussività tal-bejgħ ta’ ċertu prodotti tal-produttur esportatur fir-rigward ta’ xi swieq. L-importatur ċaħad ukoll l-eżistenza ta’ xi relazzjoni speċjali u matul iż-żjara ta’ verifika spjega kif il-prezzijiet imħallsa lill-produttur esportatur huma ogħla minħabba l-kwalità ta’ tali prodotti. Huwa kkusidrat li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ma kinux ta’ min wieħed joqgħod fuqhom u għandhom ikunu aġġustati jew minħabba l-eżistenza ta’ xi forma ta’ arranġament ta’ kumpens fid-dawl tad-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jew għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi li jirriflettu l-allegata kwalità ogħla tal-prodotti skond l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-istqarrija dwar il-kwalità ma kinetx appoġġjata b’xi evidenza u fil-fatt is-sejbiet ta’ l-investigazzjoni kkuntradixxew tali stqarrija. Fin-nuqqas ta’ xi informazzjoni oħra, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ġew mibnija kif stabbilit fil-premessa (49) tar-Regolamenti bażiku.
(42)
L-istess produttur esportatur u l-importatur stqarrew ukoll li l-kalkoli tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni mibnija kienu żbaljati għaliex il-marġni ta’ profitt użat fil-kalkolazzjoni kien sostanzjalment ogħla mill-marġni ta’ profitti wżati għall-istess għanijiet f’każijiet oħra fil-passat u, għalhekk, ma kienx raġonevoli. F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi nnotat li kull każ huwa kkunsidrat fuq il-merti tiegħu u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni partikolari ma jistgħux jiġu sempliċiment trasposti għal każ ieħor. F’dan il-każ, il-marġni ta’ profitt użat fil-kalkolazzjoni kien il-medja peżata tal-profitti netti effettivi fuq bejgħ tal-“prodott konċernat” irrapportati fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni minn ħdax-il importatur li ma kienux relatati. Ma tressqet l-ebda evidenza li setgħet tikkontesta din id-data. Għaldaqstant, it-talba għandha tiġi miċħuda.
(43)
Madankollu, għandu jiġi nnotat li wara ż-żjara tal-verifika fil-kwartieri ta’ l-importatur ikkonċernat, il-kalkolazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni mibnija kienet riveduta sabiex tqis il-korrezjonijiet meħtieġa dwar ċerti prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u dwar spejjeż ġenerali, amministrattivi u ta’ bejgħ ta’ l-importatur.
5. Tqabbil
(44)
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur wieħed talab aġġustament ta’ ċerti prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għad-differenza fl-istadji ta’ kummerċ bejn bejgħ għall-esportazzjoni dirett lill-Komunità u bejgħ lill-Komunità permezz ta’ negozjanti fil-PRĊ, skond l-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku. Huwa argumenta li bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ negozjanti Ċiniżi jinvolvi bejgħ ulterjuri lin-negozjanti, li normalment mhuwiex meħtieġ fil-każ ta’ bejgħ għall-esportazzjoni dirett lill-Komunità. F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi nnotat li l-Artikolu hawn fuq imsemmi tar-Regolament bażiku jipprovdi biex isir aġġustament għad-differenza fl-istadji ta’ kummerċ fejn ikun muri li jeżistu differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejjiegħ għall-istadji differenti tal-kummerċ fis-suq intern tal-pajjiż esportatur. F’dan il-każ, il-produttur esportatur stqarr u pprova juri l-bżonn ta’ aġġustament billi għamel referenza għaċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tiegħu ta’ l-esportazzjoni, minflok ċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tiegħu fis-suq intern. Din ma titqiesx bħala bażi biżżejjed biex jintalab aġġustament skond l-istadju tal-kummerċ. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-esportazzjonijiet kollha tal-produttur esportatur ikkonċernat, kif ukoll il-bejgħ fis-suq intern fil-pajjiż ta’ referenza, saru lil negozjanti, jiġifieri ma kienx hemm stadji differenti ta’ kummerċ bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali.
6. Marġni ta’ dumping
(45)
Biex jiġi kkalkulat il-marġni ta’ dumping għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha, kif stabbilit fil-premessa (53) tar-Regolament proviżorju, ma tqisx aktar il-produttur esportatur li ngħata t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Ma tressqux kummenti oħra dwar is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (52) u (53) tar-Regolament proviżorju li qed jiġu b’dan ikkonfermati. Madankollu, għall-produttur esportatur li ngħata t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET), il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit billi ġew imqabbla l-medja peżata tal-valur normali ta’ kull tip esportat lejn il-Komunità kif stabbilit fil-premessi (28) sa (35) ta’ dan ir-Regolament mal-medja tal-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ dak it-tip korrespondenti, skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Il-marġni ta’ dumping kif finalment stabbilit wara l-emendi stabbiliti hawn fuq, imfissra bħala perċentwali tal-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, u bid-dazju mhux imħallas, huma:
Ningbo Liftstar Material Transport Equipment Factory
32,2 %
Ningbo Ruyi Joint Stock Co. Ltd
28,5 %
Ningbo Tailong Machinery Co. Ltd
39,9 %
Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd
7,6 %
Il-kumpanniji l-oħrajn kollha
46,7 %
E. INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
1. Produzzjoni tal-Komunità
(46)
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (55) u (56) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
2. Definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(47)
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessa (57) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
F. DANNU
1. Konsum tal-Komunità
(48)
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-konsum tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (58) u (59) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
2. Importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn mill-PRĊ fil-Komunità
(49)
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn mill-PRĊ fil-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (60) sa (64) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
3. Sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(50)
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur wieħed qajjem diskussjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ dannu ta’ l-industrija tal-Komunità billi rrimarka li l-kapacità tal-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat, l-iżvilupp tal-ħażniet wara l-2001 ma jistax jitqies bħala sinjal ta’ dannu imma sinjal ta’ titjib ta’ l-industrija tal-Komunità, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-pallet trucks ta’ l-idejn mibjugħin mill-produtturi tal-Komunità u s-sehem tagħhom fis-suq baqa’ stabbli fl-2003 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (IP), il-qligħ ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet bejn l-2000 u l-2001, il-fatt li l-livell ta’ l-investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità żdied b’iktar mid-doppju jindika li l-industrija ma kellhiex problemi biex tkabbar il-kapital u l-istabbilità tas-salarji għandha titqies bħala sinjal pożittiv.
(51)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-kapaċità tal-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet u ma turix danni, għandu jkun innotat li filwaqt li ż-żieda ġenerali fil-kapaċità tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat kienet ta’ 3 %, din naqset bi kważi 2 % bejn l-2002 u l-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP). Fil-fatt, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet biss fis-snin 2001 u 2002 meta kienu saru investimenti. Dan l-iżvilupp ma jistax jitqies bħala xhieda tan-nuqqas ta’ dannu lill-industrija tal-Komunità, b’mod partikolari meta il-konsum żdied bi 17 % matul l-istess perjodu.
(52)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-iżvilupp tal-ħażniet wara l-2001 ma jistax jitqies bħala sinjal ta’ dannu imma sinjal ta’ titjib fl-industrija tal-Komunità, għandu jkun innotat li flimkien ma’ l-ispjegazzjoni pprovduta fil-premessa (67) tar-Regolament proviżorju dwar kif dan il-fattur ma jitqiesx bħala indikatur relevanti tal-qagħda ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità, għandu jkun imfakkar li l-ħażniet żdiedu b’mod ġenerali b’14 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-fatt li fl-2000, kien intlaħaq massimu ma jbiddilx is-sejba li l-ħażniet setgħu ta’ l-inqas kienu ta’ kontribut għas-sitwazzjoni ta’ ħsara ta’ l-industrija tal-Komunità.
(53)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-prezz tal-bejgħ u s-sehem tas-suq tal-pallet trucks ta’ l-idejn mibjugħin mill-produtturi tal-Komunità baqa’ stabbli fl-2003 u matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP), għandu jkun innotat li l-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) jinkludi 9 xhur mill-2003. Għandu jkun innotat li l-analiżi tad-dannu hija mifruxa fuq perjodu ta’ numru ta’ snin u li kemm is-sehem tas-suq kif ukoll il-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità waqgħu b’mod sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat. Dan ma kienx ikkontestat.
(54)
Fir-rigward ta’ l-argument li ż-żieda fil-qligħ ta’ l-industrija tal-Komunità bejn l-2000 u l-2001 ma tindikax dannu, għandu jkun innotat li l-qligħ żdied marġinalment minn 0,28 % fl-2000 sa 0,51 % fl-2001, u mbagħad naqas kostantement u laħaq 2,31 % matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP). Dan hu sinjal ċar ta’ dannu.
(55)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-livell ta’ l-investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità iktar minn irdoppja u li għalhekk din ma kellha l-ebda problema biex tiġġenera kapital, qed jiġi mfakkar, kif spjegat fil-premessa (76) tar-Regolament proviżorju, li fl-2001 u l-2002, kienu saru investimenti qawwija biex jitbiddlu impjanti ta’ produzzjoni li ma setgħux jintużaw iktar, u dan sabiex l-industrija tal-Komunità tkun tista’ tibqa’ kompetittiva. L-investimenti waqgħu b’40 % bejn l-2002 u l-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP), fl-istess żmien meta l-qligħ baqa’ jeħżien u dan wera problemi fiż-żieda tal-kapital. Dan jerġa’ juri biċ-ċar sitwazzjoni ta’ dannu.
(56)
Fir-rigward ta’ l-argument li l-istabbilità tal-pagi għandha tkun interpretata bħala sinjal pożittiv, għandu jkun innotat li dan il-fattur għandu jkun analizzat fil-kuntest ta’ l-iżvilupp tal-pagi u ta’ l-impjiegi. Id-dannu fl-industrija jidher biċ-ċar fit-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati. Il-fatt li l-produtturi tal-Komunità ma setgħux jgħollu l-pagi pari passu ma l-inflazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat minħabba kompetizzjoni inġusta għandu jkun ikkunsidrat bħala sinjal negattiv.
(57)
L-argumenti tal-produttur esportatur analizzati fil-premessi (50) sa (56) ta’ dan ir-Regolament għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda.
(58)
Xi importaturi argumentaw li l-industrija tal-Komunità offriet għall-bejgħ pallet trucks ta’ l-idejn bi prezzijiet ferm inferjuri minn kwalunkwe pallet truck ta’ l-idejn Ċiniżi u dan juri li l-industrija mhijiex qegħda ssofri dannu. Dan l-argument mhuwiex sostanzjat bis-sejba ta’ tqaċċit sinjifikanti fil-prezzijiet b’iktar minn 55 % kif stabbilit fil-premessa (64) tar-Regolament proviżorju u, għalhekk ma jistax jiġi milqugħ.
(59)
Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (65) sa (84) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
4. Konklużjoni dwar d-dannu
(60)
B’konklużjoni, kif diġà stabbilit fir-Regolament proviżorju, l-indikaturi tad-dannu relevanti wrew xejriet negattivi. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji ta’ konklużjoni dwar id-dannu kif stabbiliti fil-premessi (85) sa (87) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
G. KAWŻALITÀ TAD-DANNU
1. Introduzzjoni
(61)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward, qed tiġi kkonfermata l-introduzzjoni dwar il-kawża tad-dannu, kif stabbilta fil-premessa (88) tar-Regolament proviżorju.
2. Effetti ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping
(62)
Produttur esportatur wieħed u xi importaturi allegaw li l-użu tad-data ta’ l-Eurostat għall-importazzjonijiet mhuwiex xieraq biex jiġu determinati l-volum u s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonjiet tal-prodott konċernat minħabba li m’hemmx kodiċi NM distint għat-tali prodott. Huma argumentaw li hemm prodotti oħrajn li jaqgħu wkoll taħt l-istess żewġ kodiċi NM ikkonċernati, wieħed li jkopri l-prodott sħiħ u l-ieħor li jkopri l-partijiet, u għalhekk id-data ta’ l-Eurostat ma tistax tagħti stampa ċara ta’ l-effett ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Huwa nnotat li ma tressqet l-ebda evidenza li turi li kwanititajiet sinjifikanti setgħu kienu klassifikati taħt il-kodiċi NM 8427 90 00, li tkopri l-prodott sħiħ u li ntużat fid-determinazzjoni tal-volum ta’ l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Fil-fatt, l-istess partijiet użaw data ta’ l-Eurostat dwar l-importazzjoni mill-istess kodiċi NM biex isostnu l-istqarrija tagħhom dwar ix-xejriet ta’ l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn minn pajjiżi terzi oħra. Huwa ukoll ikkunsidrat li, minħabba d-definizzjoni ristetta tal-kodiċi NM, il-maġġoranza l-kbira tal-prodotti li jidħlu fil-Komunità taħt din l-intestatura huma importazzjonijiet tal-prodott konċernat. Fir-rigward tal-kodiċi l-oħra NM 8431 20 00 li tkopri partijiet maħsuba għal użu esklussiv jew prinċiparjament mal-makkinarju taħt l-intestatura 8427, huwa nnotat li l-importazzjonijiet irrapportati mill-Eurostat għal din il-kodiċi huma żgħar u ma tqiesux meta kienu stabbiliti l-volum u s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
(63)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar l-effett ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping, kif stabbiliti fil-premessi (89) sa (91) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
3. L-effetti ta’ fatturi oħra
a) Il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(64)
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur wieħed argumenta li l- prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità kienet ġiet stmata ħażin. Il-bejgħ ta’ l-esportazzjoni instab li kien waqa’ bi kważi 50 % bejn l-2000 u l-perjodu ta’ l-investigazzjoni, b’effett sinifikanti fuq il-prestazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. Għandu jkun innotat li anke jekk l-esportazzjonijiet naqsu f’termini reali, dawn kien jirrappreżentaw medja ta’ 11 % biss mill-bejgħ totali ta’ l-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, filwaqt li l-bejgħ fil-Komunità kien qed isir b’telf, l-esportazzjonijiet kienu għadhom qed isiru b’xi qligħ matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP). Għalhekk, it-tnaqqis fl-esportazzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala fattur li kkawża dannu sinifikanti lill-industrija tal-Komunità. Konsegwentament, l-argument għandu jiġi miċħud, u s-sejbiet stabbiliti fil-premessi (92) u (93) tar-Regolament proviżorju ikkonfermati.
b) Investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità
(65)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar l-investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessa (94) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
ċ) Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
(66)
Żewġ produtturi esportaturi u ċerti importaturi stqarrew li għall-kuntrarju tas-sejbiet fil-premessa (95) tar-Regolament proviżorju, pajjiżi oħra barra mill-PRĊ, b’mod partikolari l-Brażil u l-Indja, ħadu vantaġġ mis-saħħa ta’ l-Ewro sabiex iżidu b’mod sostanzjali l-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Komunità. Fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, bħall-Brażil u l-Indja, jirrappreżentaw biss madwar 1 % ta’ l-mportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott konċernat, l-impatt tagħhom fuq il-kawżalità tad-dannu, jekk xejn, tista’ titiqes insinjifikanti. Għalhekk, din it-talba għandha tiġi miċħuda.
(67)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kif stabbiliti fil-premessi (95) u (96) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
d) Rata tal-kambju ta’ l-Euro/Dollaru US
(68)
Produttur esportatur wieħed u ċerti importaturi stqarrew li s-sehem mit-tqaċċit tal-prezz stabbilit kien dovut għad-dgħjufija tad-dollaru amerikan meta mqabbel ma’ l-Euro u mhux minħabba l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Madankollu, dawn il-partijiet ma ressqux xi evidenza li tindika l-volum ta’ l-importazzjonijiet mill-PRĊ fatturati f’Dollari amerikani, li setgħet tagħmel valutazzjoni ġenerali ta’ l-impatt tar-rati tal-kambju fuq il-prezzijiet possibbli. Fi kwalunkwe każ, anke jekk l-importazzjonijiet kollha mill-PRĊ kienu saru f’Dollari amerikani, xi ħaġa li ma tistax tkun ikkonfermata mis-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni tal-prodott konċernat kellhom jinżlu b’25 % (telf tad-Dollaru amerikan imqabbel ma’ l-Euro) u mhux b’34 % kif seħħ matul il-perjodu kkunsidrat. Finalment, għandu jkun innotat li bl-eċċezzjoni ta’ żewġ każi individwali li kellhom b’mod ċar volum ta’ importazzjoni negliġibbli, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha minbarra l-PRĊ, meħudin flimkien, u li bbenefikaw anke mill-apprezzament ta’ l-Euro, naqsu. Dan juri li ċ-ċaqlieq tal-munita ma setax ikun kawża sostanzjali taż-żieda fl-importazzjonijiet mill-PRĊ li huma oġġetti ta’ dumping. Għalhekk din it-talba għandha tiġi miċħuda u s-sejbiet stabbiliti fil-premessa (98) tar-Regolament proviżorju kkonfermati.
e) Atteġġament tal-bejgħ
(69)
Produttur esportatur wieħed u ċerti importaturi tennew l-argument li dawk li kienu qed jilmentaw kienu kumpanniji kbar li huma attivi fis-settur tal-ġarr ta’ materjal, li għalihom il- pallet trucks ta’ l-idejn huma biss prodott aċċessorju, u spiss użat bħala għodda ta’ bejgħ ta’ prodotti akbar u ogħla fil-prezz. Minħabba li ma tressqet l-ebda evidenza, is-sejbiet proviżorji kif stabbiliti fil-premessi (99) u (100) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati, u t-talba miċħuda.
f) Żbalji strateġiċi magħmula mill-produtturi tal-Komunità, bħal prodotti ta’ kwalità inferjuri u esternelizzazzjoni tal-produzzjoni tal-partijiet
(70)
Produttur esportatur wieħed tenna l-istqarrija tiegħu li l-produtturi tal-Komunità sofrew minn dannu ikkawżat minnhom stess billi ffokaw fuq il-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità inferjuri u billi taw barra xogħol tal-produzzjoni ta’ partijiet li normalment jagħmlu huma stess. Madankollu, ma tressqet l-ebda evidenza biex issostni din l-istqarrija. Qiegħed jiġi nnotat li din l-istqarrija kienet diġà ġiet eżaminata u indirizzata b’mod espiliċitu fil-premessi (101) sa (103) tar-Regolament proviżorju, li huma b’dan ikkonfermati.
4. Konklużjoni dwar il-kawżalità
(71)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor li jista’ jibdel il-konklużjoni proviżorja, il-konklużjoni dwar il-kawżalità kif stabbilita fil-premessi (104) u (105) tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata.
H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ
1. Rimarki ġenerali
(72)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, ir-rimarki ġenerali dwar l-interess tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessa (106) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
2. Interess ta’ l-industrija tal-Komunità
(73)
Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, importatur wieħed stqarr li l-impjanti tal-produzzjoni fil-Komunità li kienu preċedentement magħluqa mhux se jerġgħu jinfetħu, u għalhekk mhux se joffru opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping. L-ewwelnett din l-istqarrija ma kinetx sostnuta b’xi evidenza. It-tieni nett, anke jekk l-ebda impjant magħluq ma kienx se jerġa’ jiftaħ, għandu jkun innotat li l-kapaċità ta’ l-utilizazzjoni mill-industrija tal-Komunità matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kienet biss ta’ 46 %. Dan hu sinjal ċar tal-potenzjal għal tkabbir fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità ġaladarba jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Komunità. Din it-talba, għalhekk, għandha tiġi miċħuda.
(74)
Produttur esportatur wieħed u xi importaturi argumentaw li l-attivitajiet ta’ ġarr bl-idejn tal-pallets ta’ l-industrija tal-Komunità b’mod partikolari f’termini ta’ impjiegi huma negliġibbli fid-dawl ta’ l-attivitajiet kollha tagħhom u, għalhekk, l-interess tagħhom f’tali miżuri huwa limitat meta mqabbel ma’ dak tal-operaturi l-oħra fis-suq. L-ewwelnett qed ikun imfakkar li l-produtturi esportaturi m’għandhom l-ebda kompetenza biex iressqu stqarrijiet dwar l-eżami ta’ l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità. L-istess japplika fir-rigward ta’ l-interess tal-fornituri, negozjanti w utenti eżaminati hawn taħt. L-argumenti imressqa kienu madankollu eżaminati. F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi mfakkar li l-industrija tal-Komunità kienet tħaddem madwar 434 persuna fis-settur tal-pallet trucks ta’ l-idejn matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, filwaqt, li per eżempju, l-importaturi li kienu qed jikkoperaw kienu jħaddmu madwar 74 persuna. Qed jiġi wkoll innotat li ċerti produtturi tal-Komunità jiddependu b’mod esklussiv fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-pallet trucks ta’ l-idejn. Għalhekk, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
(75)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (107) sa (109) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
3. Interess tal-fornituri tal-Komunità
(76)
Produttur esportatur wieħed allega li n-nuqqas ta’ rappreżentanza min-naħa tal-fornituri tal-Komunità huwa sinjal li l-importazzjonjiet mill-PRĊ ma kinux jolqtu ħażin in-negozju tagħhom. Din l-allegazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. L-industrija tal-Komunità tiddependi mill-fornituri tal-Komunità fejn jidħlu ċerti partijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn, u ma jkunx raġonevoli li wieħed jassumi li m’hemm l-ebda effett negattiv fuq in-negozju tagħhom. Aktar għeluq ta’ l-impjanti tal-Komunità jista’ jkompli jolqot in-negozju tagħhom. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ġdid, is-sejba proviżorja fir-rigward ta’ l-interess tal-fornituri tal-Komunità, kif stabbilita fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata.
4. Interess ta’ importaturi/negozjanti mhux relatati
(77)
Produttur esportatur wieħed stqarr li l-investigazzjoni injorat l-interessi ta’ l-importaturi żgħar, li jiffokaw l-attivitajiet tagħhom l-iktar fuq pallet trucks ta’ l-idejn. Għandu jkun innotat li l-osservazzjonijiet mill-importaturi, li identifikaw lilhom infushom fil-ħin u taw biżżejjed informazzjoni, ġew ikkunsidrati b’mod sħiħ f’din l-investigazzjoni. Fost l-importaturi mhux relatati u li kkoperaw kien hemm kumpanniji bi tnejn jew tliet impjegati. Barra dan qiegħed jiġi nnotat li l-importaturi li kkoperaw irrapportaw qligħ tajjeb ħafna fin-negozju tagħhom tal-pallet trucks ta’ l-idejn (profitti netti li jitilgħu sa 50 % tal-fatturat). Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jikkunsidra li l-impatt ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fuq in-negozju tagħhom ikun relattivament baxx. Konsegwentament, it-talba għandha tiġi miċħuda u s-sejbiet proviżorji stabbiliti fil-premessi (111) sa (114) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.
5. Interessi ta’ l-utenti
(78)
Żewġ produtturi esportaturi u ċerti importaturi stqarrew li ż-żieda fil-prezz tal-pallet trucks ta’ l-idejn Ċiniżi wara l-impożizzjoni ta’ miżuri qed ikollha effett immedjat u sproporzjonat fuq mijiet ta’ eluf ta’ ħwienet, imħażen u fabbriki li jużaw il-pallet trucks ta’ l-idejn fil-Komunità. Madankollu, qiegħed jiġi nnotat li l-ebda utent fil-Komunità u li juża pallet trucks ta’ l-idejn ma ressaq kummenti fuq is-sejbiet stabbiliti fir-Regolament proviżorju. Minħabba li din it-talba ma ġietx sostanzjata b’xi xhieda, għandha tiġi miċħuda.
(79)
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw l-interessi ta’ l-utenti tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (115) u (116) tar-Regolament proviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
6. Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(80)
B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-konklużjonijiet dwar l-interess tal-Kommunità stabbiliti fil-premessi (117) sa (119) tar-Regolament proviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
I. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI
1. Livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu
(81)
Fin-nuqqas ta’ kummenti sostanzjati, il-metodoloġija wżata biex jiġi stabbilit il-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu, kif deskritta fil-premessi (120) sa (123) tar-Regolament proviżorju qed tiġi b’dan ikkonfermata.
(82)
Abbażi ta’ din il-metodoloġija, il-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu kien ikkalkulat sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit il-livell ta’ miżuri li għandhom jiġu imposti b’mod definittiv.
2. Forma u livell tad-dazju
(83)
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fil-livell ta’ marġni ta’ dumping li nstabu, minħabba li għall-produtturi esportaturi kollha konċernati, il-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu nstab li kien ogħla mill-marġni ta’ dumping.
(84)
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati ta’ dazju definittiv huma kif ġej:
Kumpannija
Rata ta’ dazju
Ningbo Liftstar Material Transport Equipment Factory
32,2 %
Ningbo Ruyi Joint Stock Co. Ltd
28,5 %
Ningbo Tailong Machinery Co. Ltd
39,9 %
Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd
7,6 %
Il-kumpanniji l-oħrajn kollha
46,7 %
(85)
Ir-rati ta’ dazju anti-dumping applikabbli b’mod individwali għall-kumpanniji speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni kif instabet fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju nazzjonali applikabbli għall- “kumpanniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli b’mod esklussiv għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u magħmula mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali imsemmija b’mod speċifiku. Prodotti importati magħmula minn kull kumpannija oħra li mhix speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inkluż entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux igawdu minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħrajn kollha”.
(86)
Kull talba għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping applikabbli b’mod individwali għall-kumpanniji speċifikati (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara l-ħolqien ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ) għandhom jiġu ndirizzati lill-Kummissjoni (3) minnufih b’kull informazzjoni relevanti, b’mod partikolari kull tibdil fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ fis-suq intern u għall-esportazzjoni assoċjati, per eżempju, ma’ tali bidla fl-isem jew bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament għandu mbagħad jiġi emendat billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpanniji li jgawdu mir-rati ta’ dazju individwali.
3. Ġbir ta’ dazju proviżorju
(87)
Fid-dawl tad-daqs ta’ marġni ta’ dumping li nstab u fid-dawl tal-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa kkunsidrat meħtieġ li l-ammonti miksuba mill-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping proviżorju permezz tar-Regolament proviżorju jinġabru b’mod definittiv sa l-ammont ta’ dazju definittiv impost bir-Regolament preżenti. Fejn id-dazju definittiv huwa ogħla mid-dazju proviżorju, għandhom jinġabru biss dawk l-ammonti miksuba bħala dazju proviżorju.
4. L-Impenji
(88)
Sussegwentament għall-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping proviżorji, żewġ produtturi esportaturi wrew ix-xewqa li joffru impenn skond l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Kienet esplorata l-possibilità ta’ miżuri korrettivi f’forma ta’ impenji relatati mal-prezzijiet. Madankollu, qiegħed jiġi nnotat li wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi ma kkooperax u, għalhekk, minħabba li ma kienx mogħti xi tip ta’ trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) jew trattament individwali, kif stabbilit fil-premessa (19) ta’ dan ir-Regolament, ma setgħux jiġu stabbiliti prezzijiet minimi. Barra minn hekk, instab li l-“prodott konċernat” kien jeżisti f’mijiet ta’ tipi, li huma aġġornati jew b’xi mod modifikati fuq bażi regolari. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi kienu qed ibiegħu wkoll, direttament jew permezz ta’ importaturi affiljati, prodotti oħra lill-istess klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-monitoraġġ ta’ l-impenji relatati mal-prezz kien se jkun prattikament impossibbli. Għalhekk, kien ikkunsidrat li l-aċċettazzjoni ta’ l-impenji ma kinetx ħaġa prattika f’dan il-każ partikolari u l-offerti kellhom jiġu miċħuda. Il-produtturi esportaturi kienu infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom. Il-kummenti tagħhom ma biddlux il-konklużjoni ta’ hawn fuq,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, bil-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (il-kodiċi TARIC 8427900010 u 8431200010), li joriġinaw fil-PRĊ.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għandha tkun kif ġej:
Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
Rata tad-dazju (%)
Il-kodiċi addizzjonali TARIC
Ningbo Liftstar Material Transport Equipment Factory, Zhouyi Village, Zhanqi Town, Yin Zhou District, Ningbo City, Zhejiang Province, 315144, PRĊ
32,2
A600
Ningbo Ruyi Joint Stock Co. Ltd, 656 North Taoyuan Road, Ninghai, Zhejiang Province, 315600, PRĊ
28,5
A601
Ningbo Tailong Machinery Co. Ltd, Economic Developing Zone, Ninghai, Ningbo City, Zhejiang Province, 315600, PRĊ
39,9
A602
Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd, 58, Jing Yi Road, Economy Development Zone, Changxin, Zhejiang Province, 313100, PRĊ
7,6
A603
Il-kumpanniji l-oħrajn kollha
46,7
A999
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.
Artikolu 2
L-ammonti żgurati permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skond ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 128/2005 dwar importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (il-kodiċi TARIC 8427900010 and 8431200010) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv, skond ir-regoli stipulati hawn taħt. L-ammonti żgurati b’żieda ma’ l-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv għandhom jinħelsu. Fejn id-dazju definittiv huwa ogħla mid-dazju proviżorju, għandhom jinġabru b’mod definittiv biss l-ammonti miksuba bħala dazju proviżorju.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Lulju 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
J. STRAW
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 25, 28.1.2005, p. 16.
(3) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat B, J-79 5/17, Rue de la Loi/Wetstraat 200, B-1049 Brussell — Il-Belġju.