1219/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1219/2005 tat- 28 ta' Lulju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid, fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )
1219/2005 • 32005R1219R(01)
Legal Acts - Regulations
- 5 Inbound citations:
- •
- 0 Cited paragraphs:
- •
- 28 Outbound citations:
17.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
L NaN/263
Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1219/2005 tat-28 ta' Lulju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid, fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1219/2005 għandu jaqra:
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1219/2005
tat-28 ta' Lulju 2005
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid, fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 li joħloq organiżżazzjoni komuni fis-suq ta' l-inbid (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 33 u 36 tiegħu,
Billi:
(1)
L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 (2) jipprovdi, fil-qafas tas-sistema ta' l-għajnuniet għall-most li jintuża biex jitqawwew l-inbejjed, derogazzjoni għall-most li jkun ġej minn żoni tal-koltivazzjoni tad-dwieli għajr iz-zona CIII, li tiskadi fi tmiem is-sena ta' l-inbid 2004/2005. Fl-istennija ta' tibdila aktar profonda f'din is-sistema ta' għajnuniet meta ssir ir-riforma prevista ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tad-dwieli u ta' l-inbid, huwa xieraq li din id-deroga tiġi mtawla sa' tmiem is-sena ta' l-inbid 2006/2007.
(2)
L-Artikoli 45, 59 u 61 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jistabbilixxu ċerti dati rigward id-distillazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta' l-inbid. Fid-dawl tal-vendemmja abbundanti ħafna tas-sena ta' l-inbid 2004/2005, f'ċerti Stati Membri hemm diffikultajiet materjali biex id-distillazzjoni sseħħ sa l-iskadenzi previsti. Għalhekk jirriżulta li jeħtieġ li d-dati msemmija jiġu posposti.
(3)
L-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jipprevedi deroga għas-sistema ta' distillazzjoni ta' l-inbejjed prodotti minn għeneb li jaqgħu sew fil-klassifika ta' varjetajiet għall-produzzjoni ta' l-inbejjed kif ukoll f'dik ta' varjetajiet maħsuba għall-produzzjoni ta' spirti ta' l-inbid ta' denominazzjoni ta' l-oriġini għas-snin ta' l-inbid 2001/2002 sa 2004/2005. Fl-istennija ta' tibdila aktar profonda f'din is-sistema ta' għajnuniet meta ssir ir-riforma prevista ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tad-dwieli u ta' l-inbid, huwa xieraq li din id-deroga tiġi mtawla sa tmiem is-sena ta' l-inbid 2006/2007.
(4)
L-Artikolu 63(2) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000, rigward id-distillazzjoni ta' l-inbid għall-produzzjoni ta' alkoħol għax-xorb, jiddetermina perċentwal tal-produzzjoni li l-produtturi jistgħu jiddedikaw għal din id-distillazzjoni. Jeħtieġ li dan il-perċentwal jiġi ddeterminat għas-sena ta' l-inbid 2005/2006.
(5)
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 għandu jiġi emendat.
(6)
Ġaladarba s-sena ta' l-inbid li jmiss tibda mill-1 ta' Awwissu 2005, dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data.
(7)
Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Inbejjed,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 qiegħed jiġi emendat kif ġej:
1)
fl-Artikolu 13(1)(b), “għas-snin ta' l-inbid 2003/2004 sa 2004/2005” huma ssostitwiti minn “għas-snin ta' l-inbid 2003/2004 sa 2006/2007”.
2)
fl-Artikolu 45(1) jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:
“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, għas-sena ta' l-inbid 2004/2005, id-data msemmija l-ewwel subparagrafu hija posposta għall-31 ta' Awissu tas-sena ta' l-inbid ta' warajha.”
3)
fl-Artikolu 52(1)(d), “għas-snin ta' l-inbid 2001/2002 sa 2004/2005” huma ssostitwiti minn “għas-snin ta' l-inbid 2001/2002 sa 2006/2007”.
4)
ma' l-Artikolu 59, jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:
“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, għas-sena ta' l-inbid 2004/2005, id-data msemmija fis-subparagrafu msemmi hija posposta għall-15 ta' Settembru tas-sena ta' l-inbid ta' warajha.”
5)
fl-Artikolu 61(3) jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:
“Madankollu, għas-sena ta' l-inbid 2004/2005, id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu hija posposta għall-15 ta' Settembru tas-sena ta' l-inbid ta' warajha.”
6)
fl-Artikolu 63(a)(2), l-ewwel inċiż, l-aħħar sentenza hija ssostitwita b'dan li ġej:
“Għas-snin ta' l-inbid 2004/2005 u 2005/2006, dan il-perċentwal huwa 25 %.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Awwissu 2005.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 28 ta' Lulju 2005.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1795/2003 (ĠU L 262, 14.10.2003, p. 13).
(2) ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 616/2005 (ĠU L 103, 22.4.2005, p. 15).