1891/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2005 ta' l- 14 ta’ Novembru 2005 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew fl-Ukraina ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
1891/2005 • 32005R1891R(01)
Legal Acts - Regulations
- Inbound citations: 13
- •
- Cited paragraphs: 0
- •
- Outbound citations: 16
3.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
L NaN/228
Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2005 ta' l-14 ta’ Novembru 2005 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew fl-Ukraina
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2005 għandu jaqra:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1891/2005
ta' l-14 ta’ Novembru 2005
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew fl-Ukraina
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti
(1)
Wara investigazzjoni (‘l-investigazzjoni preċedenti’), il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 969/2000 (2), emenda l-miżuri oriġinarjament imposti bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 (3) dwar importazzjonijiet ta’ klorur ta’ potassju li joriġina, inter alia, fir-Russja (“il-miżuri eżistenti”).
(2)
F'Marzu ta’ l-2004, permezz ta’ avviż pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (4), il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, reviżjoni provviżorja parzjali tal-miżuri fis-seħħ sabiex teżamina jekk għandhomx jiġu emendati sabiex tittieħed konsiderazzjoni tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru fl-1 ta’ Mejju 2004 (“it-Tkabbir”).
(3)
Ir-riżultati tar-reviżjoni provviżorja parzjali wrew li kien fl-interess tal-Komunità li jsir provvediment għall-adattament temporanju tal-miżuri eżistenti sabiex jiġi evitat impatt ekonomiku negattiv ħesrem u eċċessiv fuq l-importaturi u l-utenti fl-għaxar Stati Membri ġodda immedjatament wara t-Tkabbir.
(4)
Għal dan il-għan, f’Mejju ta’ l-2004, skond ir-Regolament (KE) Nru 1002/2004 (5), il-Kummissjoni aċċettat impenji minn żewġ produtturi esportaturi fir-Russja, jiġifieri JSC Silvinit u JSC Uralkali għal perijodu ta’ sena. F’Ġunju 2005, bir-Regolament (KE) Nru 858/2005 (6) impenji ġodda, li jiskadu fit-13 ta’ April 2006, ġew aċċettati miż-żewġ produtturi esportaturi fir-Russja. Barra minn hekk, sabiex isir provvediment għall-eżenzjoni mid-dazji anti-dumping imposti bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, fuq importazzjonijiet, skond il-kondizzjonijiet ta’ l-impenji, ir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 992/2004 (7).
(5)
Ta’ min jinnota wkoll li r-referenzi kollha għall-“Komunità” jew għall-“Komunità ta’ 15” fir-Regolament preżenti għandhom jinftiehmu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, bħala l-Komunità kif kostitwita immedjatament qabel it-Tkabbir.
2. Raġunijiet għar-reviżjonijiet preżenti
(6)
F’Jannar ta’ l-2004, waslu talbiet separati minn għand JSC Silvinit u JSC Uralkali (“l-applikanti”) għal reviżjonijiet provviżorji parzjali individwali tal-miżuri eżistenti skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
(7)
L-applikanti allegaw u pprovdew biżżejjed evidenza prima facie li jekk isir paragun tal-valur normali bbażat fuq il-prezzijiet domestiċi/ta’ produzzjoni tagħhom stess u l-prezzijiet tagħhom ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità, dan iwassal għall-eliminazzjoni tad-dumping. Għalhekk, ma kinitx aktar meħtieġa l-impożizzjoni kontinwata tal-miżuri eżistenti fil-livelli eżistenti, li kienu bbażati fuq il-livell tad-dumping stabbilit qabel, sabiex jiġi newtralizzat id-dumping.
(8)
Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjonijiet provviżorji parzjali, il-Kummissjoni ppublikat avviżi ta’ bidu u tat bidu għal investigazzjoni (8).
3. Perijodu ta’ investigazzjoni
(9)
L-investigazzjoni kienet limitata għad-dumping u kopriet il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-30 ta’ Marzu 2004 (il-“perijodu investigattiv” jew l-“PI”).
4. Il-partijiet interessati fl-investigazzjoni
(10)
Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, lill-applikanti u lill-industrija Komunitarja dwar il-bidu tar-reviżjoni provviżorja parzjali u tat l-opportunità lill-partijiet kollha direttament konċernati sabiex jagħtu l-fehma tagħhom bil-miktub u jitolbu li jinstemgħu. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lill-applikanti. It-tweġibiet tal-kwestjonarji waslu mill-applikanti u minn negozjant esportatur fir-Russja relatat ma’ waħda mill-kumpanniji applikanti.
(11)
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa bil-għan li tiddetermina d-dumping u wettqet kontrolli fuq it-tweġibiet tal-kwestjonarju fil-bini tal-kumpanniji li ġejjin:
(a)
Produtturi esportaturi fir-Russja:
JSC Silvinit, Solikamsk, Perm Region, Russja,
JSC Silvinit, Solikamsk, Perm Region, Russja,
(b)
Esportatur relatat ma’ JSC Silvinit:
International Potash Company, Moscow, Russja
B. IL-PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
1. Il-prodott konċernat
(12)
Il-prodott huwa l-istess bħal dak f’investigazzjonijiet preċedenti, i.e. il-klorur tal-potassju (“potassa” jew KCI) u huwa użat b’mod ġenerali fil-biedja bħala fertilizzant, direttament, imħallat ma’ fertilizzanti oħra jew wara trasformazzjoni f'fertilizzant kompless magħruf bħala NPK (nitroġenu, fosfru, potassju). Il-kontenut ta’ potassju huwa varjabbli u espress bħala perċentwali tal-piż ta’ ossidu tal-potassju (K2O) fuq il-prodott anidru xott. Jintuża wkoll bħala materja prima fil-manifattura ta’ ċerti prodotti industrijali u farmaċewtiċi.
(13)
Il-potassa hija ġeneralment kummerċjalizzata taħt forma standard/trab (“potassa normali”) jew taħt forma oħra li mhijiex standard u li tinkludi — iżda mhijiex limitata għal — forma mrammla (“potassa mrammla”). Il-prodott huwa ġeneralment klassifikat fi tliet kategoriji bażiċi, ibbażati fuq il-kontenut ta’ K2O, jiġifieri:
—
kontenut ta’ potassju li ma jaqbiżx l-40 % ta’ K2O — li jaqa’ fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda (“NM”) kodiċi 3104 20 10,
—
kontenut ta’ potassju li jaqbeż l-40 % K2O iżda inqas minn jew ugwali għal 62 % — li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3104 20 50,
—
kontenut ta’ potassju ’l fuq minn 62 % K2O — li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3104 20 90.
(14)
Ta’ min ifakkar li fl-investigazzjoni preċedenti nstab li xi importazzjonijiet ta’ ċerti taħlitiet jew mixxeli speċjali b’kontenut ta’ potassa ogħla mis-soltu u li ma jaqawx taħt ebda kodiċi NM għall-potassa kif jidher hawn fuq, għandhom jitqiesu wkoll bl-istess mod tal-prodott konċernat. Din il-konklużjoni ntlaħqet billi t-taħlitiet u mixxeli bħal dawn kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u għandhom l-istess użu bħall-kategoriji bażiċi msemmija hawn fuq. Għalhekk, it-taħlitiet u l-mixxeli bħal dawn li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3105 20 10, ex 3105 20 90, ex 3105 60 90, ex 3105 90 91 u ex 3105 90 99 iddaħlu wkoll fl-investigazzjoni preżenti u jikkostitwixxu parti mill-prodott konċernat.
2. Il-prodott simili
(15)
Ġie stabbilit li, billi ma kien hemm ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi bejn il-prodott esportat mir-Russja lejn il-Komunità u l-prodott magħmul fir-Russja u mibjugħ fis-suq domestiku Russu, dawn tqiesu bħala prodotti simili għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni preżenti.
C. ID-DUMPING FIR-RIGWARD TA’ L-APPLIKANTI
1. Il-Valur normali
(16)
Sa fejn hija konċernata d-determinazzjoni tal-kalkolu tal-valur normali, l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ totali tal-prodott simili ta’ kull wieħed mill-applikanti kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volumi totali rispettivi tagħhom ta’ bejgħ esportat lejn il-Komunità. Konformement ma' l-Artikolu 2(2) tar-Regoalment bażiku, il-bejgħ domestiku tqies rappreżentattiv meta kull wieħed mill-volumi domestiċi ta’ bejgħ ta’ l-applikanti tal-prodott simili kkostitwixxa ta’ l-inqas 5 % tal-volumi totali rispettivi tagħhom ta’ bejgħ esportat lejn il-Komunità matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, għaż-żewġ applikanti, nstab li l-bejgħ domestiku ġenerali tal-prodott konċernat matul il-PI sar fi kwantitajiet rappreżentattivi.
(17)
Sussegwentement, bid-definizzjoni tat-tipi tal-prodott skond il-kodiċi TARIC li taħtu l-prodott huwa klassifikat (i.e. bil-grad standard jew li mhux grad standard, inkluż l-imrammel) u l-ippakkjar jew il-forma li fiha jiġi ttrasportat (i.e. fi kwantitajiet kbar, f’boroż jew f’kontenituri), saret analiżi dwar jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull prodott kienx rappreżentattiv jew le. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott partikolari ġie kkunsidrat biżżejjed rappreżentattiv meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dan it-tip matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iżjed tal-volum totali ta’ bejgħ tat-tip komparabbli tal-prodott esportat lejn il-Komunità.
(18)
Bħala riżultat ta’ din l-analiżi, instab li produttur esportatur wieħed, JSC Silvinit, kien biegħ biss tip wieħed ta’ prodott esportat fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku. Rigward l-esportatur produttur l-ieħor, JSC Uralkali, instab li t-tipi kollha esportati ta’ prodott kienu nbiegħu fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku.
(19)
Sar ukoll eżami sabiex jinstab jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott jistax jitqies bħala li sar fil-kors normali tal-kummerċ billi jiġi stabbilit il-proporżjon ta’ bejgħ bi profitt lill-klijenti indipendenti tat-tip imsemmi.
(20)
F’dan ir-rigward, instab li fil-każ ta’ JSC Uralkali l-prezzijiet domestiċi ta’ bejgh għat-tip ta’ prodott l-aktar mibjugħ esportat lejn il-Komunità (“it-tip esportat l-aktar mibjugħ”) li jirrappreżenta ’l fuq minn 99 % ta’ esportazzjonijiet bħal dawn, urew tendenzi mhux tas-soltu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Ġie stabbilit li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, 77 % tal-bejgħ domestiku tat-tip esportat l-aktar mibjugħ sar lil klijient wieħed fir-Russja u li l-prezz tal-bejgħ lil dan il-klijent partikolari, f'temp ta’ xahar f’nofs il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien aktar milli rdoppja. Iż-żidiet fil-prezz għall-istess tip ta’ prodott mibjugħ lil klijienti domestiċi oħra żdiedu wkoll fl-istess żmien, iżda b’marġni biss ta’ madwar 40 %. Verifika ta’ żidiet fil-prezz għal tipi oħra ta’ potassa mibjugħa domestikament uriet żidiet simili fil-prezz ta’ madwar 40 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.
(21)
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni partikolari tas-suq fir-rigward ta’ prezzijiet għal tip ta’ prodott mudell użat sabiex jiġi kalkolat il-marġni ta’ dumping, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus li bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun adegwat. Minħabba s-sinfikat ta’ dan il-bejgħ fil-volumi ta’ bejgħ domestiku tat-tip imsemmi, u l-importanza ta’ dan it-tip fil-volum ġenerali ta’ esportazzjoni ta’ potassa esportata mill-kumpannija konċernata lejn il-Komunità, jinħass li jkun raġonevoli li jiġi injorat dan il-bejgħ speċifiku lill-klijent immsemmi. Il-bqija tal-bejgħ domestiku ta’ dan it-tip ta’ prodott lil klijenti oħra nstab li kien taħt il-limiti ta’ 5 % li huwa kkunsidrat meħtieġ sabiex jitqies bħala rappreżentattiv. Għaldaqstant, il-valur normali għal dan il-prodott ġie kalkolat fuq il-bażi tal-prezz ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur konċernat, flimkien ma' ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta' bejgħ, ġenerali u amministrattivi u l-profitt. L-ammonti għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitt kienu bbażati fuq id-data attwali ta’ produzzjoni u bejgħ, fil-kors normali ta’ kummerċ, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.
(22)
L-Uralkali ddikjara li “is-sitwazzjoni partikolari tas-suq” prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku mhijiex applikabbli għall-bejgħ tal-prodott konċernat lill-klijent imsemmi u għalhekk kellhom jintużaw il-prezzijiet domestiċi għat-tip ta’ prodott konċernat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. F’dan ir-rigward l-argument li sar kien (i) li d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regoloment bażiku ma tapplikax fil-każ ta’ “prezzijiet għolja artifiċjalment” u (ii) li kondizzjonijiet speċjali applikati fil-każ ta’ klijient speċifiku wieħed ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu “sitwazzjoni partikolari tas-suq” għas-suq domestiku Russu bħala wieħed sħiħ. Barra minn hekk, huwa ddikjara li l-prezzijiet imsemmija kienu ġejjin minn “forzi tas-suq” u kienu jirriflettu “is-sitwazzjoni attwali fis-suq”.
(23)
Fir-rigward ta’ dan ta’ hawn fuq, għandu jiġi nnotat li s-sitwazzjonijiet partikolari tas-suq imsemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku mhumiex eżawrjenti u li l-partikolarità tas-suq għandha tiġi vvalutata, inter alia, fid-dawl tal-varjazzjonijiet ta’ prezz u ta' tendenzi aktar milli unikament fuq il-bażi tal-livell assolut tal-prezzijiet. F’dan il-każ kemm l-operazzjonijiet ta’ bejgħ bi prezz baxx kif ukoll l-operazzjonijiet bi prezz għoli tħallew barra mill-kalkoli billi ma kinux jirriflettu livell ta’ prezzijiet ta’ natura dejjiema u billi dawn il-prezzijiet ma dehrux li jirriflettu l-forzi tas-suq ladarba ma nstabux tendenzi bħal dawn għal ebda tip ieħor ta’ prodott jew għal ebda klijent ieħor ta’ l-Uralkali. It-tieni, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jistipula li jista’ jiġi kostruwit il-valur normali f’sitwazzjonijiet fejn “… minħabba xi sitwazzjoni ta’ suq partikolari, tali bejgħ ma jippermettix paragun adegwat …”. Dan b’mod ċar jippermetti li, bħal fis-sitwazzjoni preżenti, il-bejħ lil klijent meqjus li ma jagħtix lok għal paragun adegwat jista’ jitwarrab bħala bażi sabiex ikun stabbilit il-valur normali. Din il-konklużjoni mhijiex relatata mas-suq Russu komplessivament iżda ma’ dan il-bejgħ ta’ l-Uralkali.
(24)
Fir-rigward ta’ JSC Silvinit, fejn il-volum ta’ bejgħ ta’ tip wieħed ta’ prodott, mibjugħ bi prezz nett ta’ bejgħ daqs il-prezz ta’ unità jew aktar, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, u fejn il-prezz medju mwieżen ta’ dan it-tip kien daqs jew ogħla mill-prezz aġġustat ta’ unità, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, kalkolat bħala medja mwieżna tal-prezzijiet tal-bejgħ kollu domestiku ta’ dan it-tip ta’ prodott li sar matul il-PI, kemm jekk dan il-bejgħ ħalla profitt kif ukoll jekk ma ħalliex.
(25)
Għat-tip ta’ prodott l-ieħor tal-JSC Silvinit, li nbiegħ fi kwantitajiet mhux suffiċjenti sabiex il-prezzijiet domestiċi jipprovdu bażi adegwata sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan il-każ, intuża l-valur normali kostruwit, konformement ma' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie kostruwit biż-żieda mal-prezz aġġustat ta’ unità tat-tip esportat, ta’ perċentwali raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u ta' marġni raġonevoli ta’ profitt, fuq il-bażi tad-data attwali ta’ produzzjoni u bejgħ, fil-kors normali ta’ kummerċ, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.
(26)
L-Uralkali sostna li fil-marġni ta’ profitt użat fil-kostruzzjoni tal-valur normali ma tteħidx adegwatament konsiderazzjoni ta’ l-aġġustamenti ta’ l-ispejjeż tal-gass, billi l-profitti użati għall-valuri normali kostruwit kienu derivati mill-kontijiet tal-kumpannija qabel ma saru l-aġġustamenti. Iżda, dan l-argument ma setax jiġi aċċettat billi skond ix-chapeau ta' l-Artikolu 2(6) għall-kostruzzjoni tal-valur normali għandhom jintużaw l-ammonti attwali ta’ profitt li saru mill-kumpannija fis-suq domestiku.
(27)
Fir-rigward ta’ spejjeż relatati ma’ l-enerġija, bħall-elettriku u l-gass użati fil-proċessi ta’ estrazzjoni u produzzjoni tal-prodott konċernat, l-investigazzjoni stabbilixxiet li dawn l-ispejjeż jiffurmaw proporzjon sinifikanti ta’ l-ispejjeż totali ta’ manifattura tal-produtturi tal-potassa, mhux biss fir-Russja iżda f’pajjiżi produtturi oħra wkoll. F’dan ir-rigward, l-industrija Komunitarja ddikjarat li l-ispejjeż ta’ enerġija għal kull unità ta’ elettriku u gass imħallsa mill-kumpanniji Russi lill-fornituri tagħhom ma kinux jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż attwali ta’ produzzjoni ta’ elettriku u gass mixtri.
(28)
Minħabba dawn l-allegazzjonijiet, inħass li kien xieraq fil-każ preżenti li jsir paragun ta’ l-ispejjeż għal kull unità ta’ xiri ta’ enerġija ta’ l-applikanti ma’ dawk ta’ produttur prinċipali ieħor ta’ potassa b’metodi simili ta’ produzzjoni, livelli ta’ produzzjoni u vantaġġi naturali simili. Billi m’hemmx produtturi oħra ta’ potassa fir-Russja, din l-informazzjoni ntalbet u nkisbet minn produttur kbir tal-potassa fil-Kanada.
(29)
Id-data pprovduta wriet li l-ħtiġijiet ta’ enerġija tal-produttur Kanadiż kienu simili għal dawk tal-produtturi Russi applikanti u li l-elettriku u l-gass mixtri minn din il-kumpannija kienu ġejjin minn oqsma domestiċi ta’ enerġija idro-elettrika u produtturi ewlenija tal-gass, bħall-elettriku u l-gass użat mill-kumpanniji Russi. Il-paragun wera li l-prezz għal kull unità ta’ elettriku mħallas mill-produttur Kanadiż ma kienx wisq ’il bogħod minn dak li ħallsu l-produtturi Russi.
(30)
Fir-rigward tal-provvisti ta’ gass, ġie stabbilit fuq il-bażi tad-data li tinstab fir-rapport annwali ppublikat għall-2003 tal-fornitur Russu tal-gass OAO Gazprom (li d-distributur reġjonali tiegħu kien ukoll il-fornitur tal-produtturi esportaturi msemmija), li l-prezz domestiku tal-gass imħallas miż-żewġ Produtturi Russi kien madwar wieħed minn ħamsa tal-prezz esportat mir-Russja. L-istess rapport stqarr b’mod ċar li “Gazprom OAO m’għamel l-ebda profitt fis-suq domestiku”. Filwaqt li m’hemm ebda informazzjoni uffiċjalment disponibbli fir-rigward ta’ kapaċità ta’ profitt fuq il-prezzijiet Russi ta’ gass domestiku, kwotazzjonijiet minn sorsi governattivi Russi fl-istampa flimkien ma’ data miksuba minn sorsi speċjalizzati ta’ tagħrif dwar is-suq u l-websites governattivi kollha jissuġġerixxu b'mod konvinċenti li l-prezzijiet tal-gass li l-klijenti domestiċi huma mitluba jħallsu kienu bbażati fuq prezzijiet li kienu ’l bogħod sew mil-livelli ta’ rkupru ta’ l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-prezz tal-gass imħallas miż-żewġ produtturi Russi kien b’mod sinifikanti aktar baxx mill-prezz tal-gass imħallas mill-produtturi Kanadiżi.
(31)
Minħabba dan ta’ hawn fuq, inħass għalhekk li l-prezzijiet mitluba mill-fornitur reġjonali Russu tal-gass lill-produtturi Russi tal-potassa matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma setgħux b’mod raġoneveoli jirriflettu l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-gass meta mqabbla mal-prezz esportat ta’ gass mir-Russja u l-prezz ta’ fornitur Kanadiż tal-gass lil xi klijent industrijali prinċipali fil-Kanada. Għalhekk, konformement ma’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, sar aġġustament fl-ispejjeż ta’ produzzjoni għal kull wieħed mill-applikanti. Fin-nuqqas ta’ xi bażi raġonevoli oħra, sar dan it-tip ta' aġġustament bl-użu ta’ tagħrif li jirrigwarda l-prezz tal-gass ta’ esportazzjoni, esklużi l-ispejjeż ta’ trasport, it-taxxa doganali ta’ esportazzjoni, it-taxxa tal-valur miżjud u t-taxxa tas-sisa.
(32)
F’dan ir-rigward, wieħed mill-applikanti ddikjara li l-prezz mħallas għall-gass kien adegwatament rifless fir-reġistri ta’ kontabbiltà tiegħu, b’hekk ebda aġġustament ma kien ġustifikabbli skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Bħala tweġiba għal dan l-argument, mhuwiex negat li l-kumpannija żammet kont korrett tal-prezzijiet fatturati mħallsa, iżda l-aġġustament huwa ġustifikat mill-fatt li l-prezz tal-gass mixtri ma jirriflettix b’mod raġonevoli l-prezz ta’ produzzjoni u distribuzzjoni tal-gass.
(33)
Dwar l-aġġustament għall-ispejjeż tal-gass, ġie ddikjarat ukoll mill-awtoritajiet Russi li l-Kummissjoni ma kinitx qieset l-ispejjeż differenti ta’ trasport tal-gass mibjugħ domestikament għall-użu industrijali u l-gass mibjugħ għall-esportazzjoni. Ta’ min ifakkar (ara l-premessa (31) li l-paragun li wassal għall-aġġustament sar bejn il-prezzijiet tal-gass fil-fatt imħallsa mill-kumpanniji u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni mitluba mill-fornitur Russu tal-gass OAO Gazprom għall-esportazzjoni mir-Russja, eskluzi l-ispejjeż ta’ trasport, it-taxxa doganali ta’ esportazzjoni, it-taxxa tal-valur miżjud u t-taxxa tas-sisa. Għaldaqstant, din it-talba ġiet rifjutata.
(34)
Wieħed mill-applikanti ddikjara li huwa kellu prezz ta’ unità ta’ produzzjoni aktar baxx b’mod sinifikanti matul l-ewwel kwart ta’ l-2004 (i.e. l-aħħar kwart tal-perijodu ta’ investigazzjoni) minħabba żieda fl-effiċjenza u tnaqqis fl-ispejjeż ta’ manutenzjoni u li dan il-prezz ta’ unità aktar baxx għandu jitqies bħala l-bażi għall-ispejjeż ta’ produzzjoni għall-perijodu kollu ta’ investigazzjoni. Din it-talba ma ntlaqgħetx billi l-bażi adegwata sabiex jiġu stabbiliti dawn l-ispejjez hija l-perijodu sħiħ ta’ investigazzjoni, aktar milli spejjeż li seħħu f’perijodu eċċezzjonali u qasir.
(35)
Fir-rigward ukoll ta' l-ispejjeż ta’ produzzjoni, l-industrija Komunitarja ddikjarat li d-deprezzament ta’ l-assi kapitali, għall-għan ta' l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ l-applikanti, għandu jkun ibbażat fuq il-prezz ta’ rimpjazzament ta’ dawn l-assi (e.g. xaftijiet ġodda tal-minjiera u makkinarju ġdid eċċ). F’dan ir-rigward, tressaq l-argument li d-deprezzament ibbażat konvenzjonalment fuq il-valur ta’ akkwiżizzjoni (storiku) ta’ l-assi kapitali ma jirriflettix, skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, b’mod raġonevoli l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-prodott konċernat. Ġie ddikjarat, għalhekk, li kien meħtieġ aġġustament 'il fuq fl-ispejjeż tal-produtturi Russi.
(36)
Fir-rigward ta’ dan l-argument, ġie nnutat li d-deprezzament ibbażat fuq il-valur ta’ akkwiżizzjoni u l-ħajja ekonomika residwa ta’ l-assi kapitali jidher li huwa konformi mal-prassi tal-kontabbiltà fl-industrija tal-minjieri. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk id-deprezzament inkluż fid-data ta' l-ispejjeż ta’ produzzjoni jirriflettix b’mod raġonevoli l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-prodott konċernat, l-investigazzjoni ffukat fuq il-mod kif il-valuri storiċi ta’ l-assi kienu ġew stabbiliti.
(37)
F’dan ir-rigward, iż-żjarat ta’ verifika fuq il-post lill-produtturi Russi wrew li l-valur oriġinali ta’ l-assi tagħhom kien ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet imwettqa matul il-proċess ta’ privatizzazzjoni li seħħ fl-1993. Dawn il-valuri ta’ l-assi ġew sussegwentement eżaminati mill-ġdid bejn l-1993 u l-1997 bħala riżultat tal-“Koeffiċjenti ta’ Rivalutazzjoni” maħruġa mill-Gvern Russu sabiex jiġġieled l-iperinflazzjoni. Fl-aħħar ta’ l-1997, wara Digriet tal-Gvern Russu, twettqu evalwazzjonijiet indipendenti ta’ l-assi minn evalwaturi indipendenti. Ġew adottati tliet kriterji bażiċi sabiex jiġu stabbiliti dawn il-valuri ta’ l-assi, wieħed minnhom kien il-valur ta’ rimpjazzament ta’ l-assi. Ir-riżultat ta’ dawn l-evalwazzjonijiet indipendenti huwa rifless fil-Karta tal-Bilanċ tal-bidu ta’ l-applikanti fl-1998.
(38)
Madankollu, minkejja din l-evalwazzjoni aktar għolja tal-valuri oriġinali, ġie nnutat li l-valuri ta’ l-assi ta’ l-applikanti, meta maħruġa bħala proporzjon ta’ produzzjoni mal-valur ta’ l-assi, għadhom s’issa jidhru aktar baxxi b’mod sinifikanti mill-valuri ta’ l-assi tal-kumpanniji magħmula mill-Industrija Komunitarja u produttur prinċipali b’kapaċità simili ta’ produzzjoni u estrazzjoni fil-Kanada. Evalwazzjoni bħal din, iżda, ma tqiesx il-ħruġ mill-użu u l-livell teknoloġiku aktar baxx ta’ l-assi tal-produtturi Russi miksub qabel il-privatizzazzjoni li seħħet fl-1993.
(39)
Għalhekk fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza sostanzjali li turi li d-deprezzament ma kienx adegwatament rifless fil-kontabbiltà tal-produtturi esportaturi, ma jitqiesx possibbli fil-mument preżenti li jsir kwalunkwe aġġustament fl-ispejjeż ta’ deprezzament fid-data tal-prezz ta’ produzzjoni użata sabiex jiġi stabbilit il-valur normali ta’ l-applikanti.
(40)
L-industrija Komunitarja ddikjarat ukoll li allokazzjoni għal spejjeż ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent paragunabbli ma’ dawk li jidħlu għalihom il-produtturi Komunitarji wkoll għandhom ikunu fatturati fl-ispejjeż tal-kalkoli ta’ produzzjoni. Instab, iżda, li l-applikanti kienu sofrew dawn l-ispejjeż u żammew kont tagħhom fil-kalkoli ta’ l-ispejjeż ta' produzzjoni. Fir-rigward ta’ jekk dawn l-ispejjeż għandhomx ikunu ta’ proporzjon jew kobor simili għal dawk tal-produtturi Komunitarji, huwa kkunsidrat li sakemm l-applikanti ssodisfaw il-livelli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent mitluba mill-awtoritajiet Russi u li l-ispejjeż involuti sabiex jiġu sodisfatti dawn il-livelli jiġu riflessi adegwatament fir-reġistri tagħhom, m'huwa meħtieġ l-ebda aġġustament. Billi nstab li kien hekk fil-każ taż-żewġ applikanti, ebda aġġustament ma kien ġustifikat minħabba spejjeż relatati ma’ l-ambjent.
2. Il-prezz ta’ esportazzjoni
(41)
Fir-rigward ta’ Silvinit, instab li l-parti l-kbira tal-bejgħ ta’ potassa mill-kumpannija lill-Komunità fil-perijodu ta’ investigazzjoni sar lil kumpannija kummerċjali Svizzera li magħha ma kellha ebda relazzjoni. Għall-finijiet ta’ l-investigazzjoni preżenti u skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet, imħallsa fil-fatt jew li għandhom jitħallsu lil Silvinit minn din il-kumpannija kummerċjali, ittieħdu bħala l-bażi għall-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni.
(42)
Iżda, instab li ż-żewġ operazzjonijiet saru permezz tal-kumpannija kummerċjali Russa relatata ma’ Silvinit, l-International Potash Company (“IPC”), lil kumpannija relatata magħha fil-Belġju msejħa Ferchimex AS (“Ferchimex”), li tipproċessa l-potassa importata fi prodott li mhux kopert mill-investigazzjoni. Skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet mitluba mill-IPC lill-Ferchimex jistgħu jiġu injorati jekk jiġu kkunsidrati li m’humiex ta’ min joqgħod fuqhom. Ġie nnutat li għaż-żewġ operazzjonijiet, il-prezz tal-bejgħ lill-Ferchimex kien ġeneralment simili għal dak ta’ l-istess tip f’bejgħ lil klijenti indipendenti fil-Komunità. Barra minn hekk, iż-żewġ operazzjonijiet kienu jikkonċernaw kwantitajiet żgħar biss. Għalhekk, ġew inklużi t-tnejn li huma fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni.
(43)
Fir-rigward ta’ l-Uralkali, instab li l-bejgħ kollu ta’ potassa mill-kumpannija lill-Komunità fil-perijodu ta’ investigazzjoni sar direttament lil negozjant li jinsab Ċipru bl-isem ta’ Fertexim Ltd li għamilha ta’ distributur esklużiv għall-Uralkali. Għal dan il-bejgħ, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, i.e. fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa fil-fatt jew li għandhom jitħallsu mill-Fertexim.
3. Tqabbil
(44)
Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni għaż-żewġ applikanti ġew imqabbla fuq bażi tal-prezz mill-fabbrika. Bil-għan li jkun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, tqiesu d-differenzi li jolqtu l-komparabbiltà tal-prezz skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.
(45)
Għalhekk, ingħataw konċessjonijiet għal differenzi fir-rigward ta’ skonti, trasport, assigurazzjoni, maniġġar, spejjeż ta’ tagħbija u oħrajn anċillari, spejjeż ta’ ppakkjar u ta’ kreditu fejn kien applikabbli u fejn kien sostnut minn dokumenti ta’ evidenza.
4. Il-marġni ta’ dumping
(46)
Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, għal kull produttur esportatur il-valur normali medju aġġustat u mwieżen skond it-tip ta’ prodott tqabbel mal-prezz ta’ esportazzjoni medju aġġustat u mwiezen ta’ kull tip korrispondenti tal-prodott konċernat mibjugħ lill-Komunità.
(47)
Il-paragun wera l-eżistenza ta’ dumping għaż-żewġ kumpanniji konċernati, iżda, fuq livelli bil-wisq aktar baxxi minn dawk stabbiliti qabel. Bħala medja mwieżna tat-tipi kollha esportati lejn il-Komunità, espressi bħala perċentwali tal-prezz totali CIF ta’ fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, il-marġni ta’ dumping kalkolati kienu kif ġej:
Produttur esportatur
% Marġni ta' Dumping
JSC Silvinit
23,0 %
JSC Uralkali
12,3 %
D. IN-NATURA DEWWIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA
(48)
Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, saret analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping kinux inbidlu b’mod sinifikanti u jekk kwalunkwe tibdil jistax jiġi kkunsidrat dewwiem. F’dan ir-rigward, instab li l-bidla fil-marġni ta’ dumping kienet ġejja minn tnaqqis tal-valuri normali ta’ l-applikanti.
(49)
F’dan ir-rigward, tajjeb li wieħed jinnota li fl-investigazzjoni preżenti, il-valur normali ġie kalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ l-applikanti. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li nstab fl-investigazzjoni ta’ qabel, il-konsum domestiku għall-potassa qed jiżdied sewwa f’dawn l-aħħar snin u, b’mod ġenerali, il-prezzijiet domestiċi ta’ bejgħ taż-żewġ produtturi Russi jħallu qligħ.
(50)
Dwar kemm idumu l-prezzijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni fis-swieq għajr dawk Komunitarji, ebda wieħed mill-applikanti ma seta’ jipprovdi data ddettaljata fuq bażi ta’ operazzjoni wara oħra f’livell ta’ produttur. Id-data komplessiva ġiet, iżda, provduta skond il-pajjiż ta’ destinazzjoni u skond it-tip ta’ prodott. Dan tqies suffiċjenti għall-għanijiet ta’ din ir-reviżjoni provviżorja parzjali billi m’hemmx ħtieġa assoluta ta’ kalkolu eżatt tal-prezzijiet ta’ bejgħ f'dawn is-swieq. Fin-nuqqas ta’ data ddettaljata, u minħabba (i) il-varjetà ta’ kondizzjonijiet ta’ kunsinna użati f’dawn l-arranġamenti ta’ bejgħ (eż CIF, FOB, FCA eċċ) (ii) l-arranġamenti u l-kombinazzjonijiet loġistiċi differenti (eż.. ferrovija + baħar, ferrovija biss eċċ) (iii) id-differenzi fid-distanzi u l-ispejjeż ta’ trasport u maniġġar lejn destinazzjonijiet varji fl-Asja u l-Amerika t’Isfel, il-Kummissjoni ma kinitx f’qagħda li tiddetermina b’eżatezza l-prezzijiet ta’ bejgħ lejn kull pajjiż. Kien hemm, madankollu, indikazzjonijiet li l-livelli ta’ prezzijiet ta’ bejgħ lis-swieq mhux Komunitarji kienu, meqjusa l-ispejjeż ta’ trasport, ta’ l-istess ordni ta’ kobor bħall-bejgħ lill-Komunità.
(51)
Minħabba dawn il-fatturi, jinħass li jkun xieraq li jiġu emendati l-miżuri eżistenti sa fejn jikkonċernaw l-applikanti bit-tnaqqis tal-marġni ta’ dumping sabiex dawn ikunu daqs dawk stabbiliti fl-investigazzjoni preżenti.
(52)
Skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazji anti-dumping m’għandux jaqbeż il-marġni stabbiliti ta’ dumping, iżda dawn id-dazji għandhom ikunu inqas minn dawk il-marġni jekk dazji inferjuri bħal dawn ikunu adegwati sabiex jiġi eliminat id-dannu lill-industrija Komunitarja. Billi d-dażji eżistenti għall-applikanti kienu ġew kalkolati fuq il-bażi tal-marġni ta’ dumping, u billi l-marġni ġodda ta’ dumping huma aktar baxxi minn dawk kalkolati qabel, id-dażji għandhom jiġu aġġustati skond il-marġni aktar baxxi ta’ dumping kif instabu f’din l-investigazzjoni, jiġifieri 23,0 % għal JSC Silvinit u 12,3 % għal JSC Uralkali.
(53)
Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li ssir rakkomandazzjoni li d-dazji anti-dumping li kienu ġew oriġinarjament imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3068/92 jiġu emendati. Ingħataw l-opportunità li jikkummentaw u li jitolbu smigħ. Il-kummenti kollha li waslu ġew meqjusa fejn hekk talab il-każ.
E. IMPENJI
(54)
Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li ssir rakkomandazzjoni li d-dazji anti-dumping oriġinarjament imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3068/92 jiġu emendati, iż-żewġ applikanti offrew impenji ta’ prezz skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.
(55)
Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2005/802/KE, aċċettat l-impenji offruti mill-applikanti. Ir-raġunijiet li għalihom ġew aċċettati dawn l-impenji huma stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
F. IL-FORMA TAL-MIŻURI FIR-RIGWARD TA’ L-APPLIKANTI
(56)
Il-miżuri eżistenti huma applikabbli għal tmien kodiċi NM u huma magħmula minn ammonti fissi li jvarjaw minn 19,61 EUR/tunnellata sa 40,63 EUR/tunnellata, skond it-tip ta’ prodott. Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kurrenti, iżda, instab li kważi l-esportazzjonijiet kollha mill-applikanti lill-Komunità kienu limitati għal tip ta’ prodott li jaqa’ taħt kodiċi NM wieħed.
(57)
Għal din ir-raġuni, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-tipi l-oħra ta’ prodott, u billi t-tip partikolari ta’ potassa konċernat jidher issa li huwa l-aktar fil-kummerċ, l-aktar strateġija raġonevoli għall-implimentazzjoni tad-dazji emendati qiegħda titqies li hi s-sostituzzjoni ta’ l-ammonti fissi kollha b’dazju wieħed ad valorem għat-tipi kollha ta’ potassa manifatturati mill-applikanti,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 huwa b'dan emendat kif ġej:
1)
l-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:
“1. Huwa b’dan impost dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-potassju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3104 20 10, 3104 20 50, 3104 20 90, u fuq taħlitiet speċjali li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3105 20 10 (kodiċi TARIC 3105201010 u 3105201020), ex 3105 20 90 (kodiċi TARIC 3105209010 u 3105209020), ex 3105 60 90 (kodiċi TARIC 3105609010 u 3105609020), ex 3105 90 91 (kodiċi TARIC 3105909110 u 3105909120), ex 3105 90 99 (kodiċi TARIC 3105909910 u 3105 99 20), li joriġinaw fil-Belarus jew fir-Russja.”;
(b)
fil-paragrafu 3, l-intestatura tat-tabella li tirrigwarda r-“Russja” għandha tiġi sostitwita minn din li ġejja:
“Ir-Russja (il-kumpanniji kollha esklużi JSC Silvinit u JSC Uralkali — kodiċi TARIC addizzjonali A999)”;
(ċ)
għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“3a. Għall-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi msemmija hawn taħt, ir-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, liberu fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:
Kumpannija
Rata ta’ dazju
Kodiċi addizzjonali TARIC
JSC Silvinit, Solikamsk, Russja,
23,0 %
A665
JSC Uralkali, Berezniki, Russja
12,3 %
A666”
2)
fl-Artikolu 1a, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:
“1. L-importazzjonijiet dikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera għandhom ikunu eżenti mid-dazji anti-dumping imposti permezz ta' l-Artikolu 1, sakemm ikunu prodotti ta’ kumpanniji li minn għandhom il-Kummissjoni tkun aċċettat impenji u li isimhom ikun elenkat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 858/2005 u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005/802/KE, kif emendati minn żmien għal żmien, u jkunu ġew importati konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ l-istess atti tal-Kummissjoni.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Novembru 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
T. JOWELL
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 112, 11.5.2000, p. 4.
(3) ĠU L 308, 24.10.1992, p. 41.
(4) ĠU C 70, 20.3.2004, p. 15.
(5) ĠU L 183, 20.5.2004, p. 16. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 588/2005 (ĠU L 98, 16.4.2005, p. 11).
(6) ĠU L 143, 7.6.2005, p. 11.
(7) ĠU L 182, 19.5.2004, p. 23.
(8) ĠU C 93, 17.4.2004, p. 2 u p. 3.
LEXI - AI Legal Assistant
