1866/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1866/2005 tat- 8 ta’ Novembru 2005 li jestendi s-sospensjoni parzjali tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 258/2005 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux liga maħdumin biċċa waħda li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukraina ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
1866/2005 • 32005R1866R(01)
Legal Acts - Regulations
- 6 Inbound citations:
- •
- 0 Cited paragraphs:
- •
- 11 Outbound citations:
3.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
L NaN/213
Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1866/2005 tat-8 ta’ Novembru 2005 li jestendi s-sospensjoni parzjali tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 258/2005 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux liga maħdumin biċċa waħda li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukraina
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1866/2005 għandu jaqra:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1866/2005
tat-8 ta’ Novembru 2005
li jestendi s-sospensjoni parzjali tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 258/2005 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux liga maħdumin biċċa waħda li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukraina
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
(1)
Wara investigazzjoni ta’ reviżjoni mwettqa skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, (“investigazzjoni ta’ reviżjoni”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 258/2005 (2) (“ir-Regolament definittiv”), impona dazju anti-dumping ta’ 38,8 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux liga maħdumin ħaġa waħda (“SST”) li joriġinaw mill-Kroazja u dazju anti-dumping ta’ 64,1 % fuq importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ukranja bl-eċċezzjoni ta’ importazzjonijiet minn Dnipropetrovsk Tube Works (“DTW”) li huma soġġetti għal dazju ta’ 51,9 % (“il-miżuri eżistenti”). Għalhekk, ir-Regolament definittiv emenda dazji anti-dumping definittivi permezz tar-Regolament (KE) Nru 348/2000 (3) u rrevoka l-possibilità ta’ eżenzjoni mid-dazji previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 348/2000 (“il-miżuri oriġinali”).
(2)
Permezz tad-Deċiżjoni 2005/133/KE (4) (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni ssospendiet parzjalment id-dazji anti-dumping definittivi għal perijodu ta’ disa’ xhur, b’effett mit-18 ta’ Frar 2005.
B. MIŻURI FIS-SEĦĦ FUQ L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ SST MIR-RUMANIJA U R-RUSSJA
(3)
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2320/97, ġew imposti dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ SST li joriġinaw, inter alia, fir-Rumanija u r-Russja (5). Permezz tad-Deċiżjonijiet 97/790/KE (6) u 2000/70/KE (7), ġew aċċettati impenni minn esportaturi, inter alia, fir-Rumanija u r-Russja. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1322/2004 (8), ġie deċiż li, bi prudenza, il-miżuri fis-seħħ ma jibqgħux jiġu applikati aktar għall-importazzjonijiet ta’ SST li joriġinaw mir-Rumanija u mir-Russja (“il-miżuri mhux applikati”) minħabba l-imġiba xejn kompetittiva ta’ ċerti produtturi Komunitarji (9).
Ċ. RAĠUNIJIET SABIEX TIĠI ESTIŻA S-SOSPENSJONI PARZJALI
(4)
L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, jistabbilixxi li, fl-interess tal-Komunità, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi għar-raġuni li l-kondizzjonijiet tas-suq inbidlu temporanjament sal-punt li mhuwiex probabbli li terġa’ tibda ssir ħsara b’konsegwenza ta’ din is-sospensjoni. Il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi b’deċiżjoni tal-Kummissjoni għal perijodu ta’ disa’ xhur. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li s-sopsensjoni tista’ tkun estiża għal perijodu ulterjuri li ma jkunx ta’ iktar minn sena, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk fuq proposta tal-Kummissjoni. L-Artikolu 14(4) jkompli jispeċifika li dawn il-miżuri anti-dumping jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fi kwalunkwe ħin jekk ir-raġuni għas-sospensjoni ma tibqax applikabbli.
(5)
Wara s-sospensjoni parzjali tad-dazji anti-dumping definittivi minn din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja s-sitwazzjoni tas-suq ta’ l-SST, b’mod partikolari fir-rigward ta' l-importazzjonijiet mill-Kroazja u l-Ukraina.
(6)
Eżami ta’ flussi ta’ importazzjonijiet reċenti juri li l-importazzjonijiet mill-Kroazja u l-Ukraina baqgħu f’livelli baxxi ħafna.
(7)
Huwa kkunsidrat li s-suq jinsab fl-istess sitwazzjoni ta’ meta l-miżuri kienu parzjalment sospiżi. Meta wieħed jikkonsidra l-livelli baxxi ħafna ta’ l-importazzjonijiet mill-Kroazja u l-Ukraina, huwa kkonsidrat li, f’din is-sitwazzjoni speċifika, m’huwiex probabbli li terġa’ tibda ssir ħsara lill-industrija tal-Komunità li kieku s-sospensjoni parzjali tal-miżuri kellha tiġi estiża. Tabilħaqq, sakemm jibqgħu fis-seħħ il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, fejn huwa mistenni li l-importazzjonijiet mir-Russja u r-Rumanija jibqa’ jkollhom preżenza b’saħħitha, m’huwiex mistenni li l-importazzjonijiet mill-Ukraina u/jew mill-Kroazja jiżdiedu sostanzjalment. B’riżultat ta’ dan, m’huwiex mistenni li l-ħsara terġa’ tibda b’konsegwenza ta’ din l-estensjoni tas-sospensjoni. Tabilħaqq, minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali rigward, inter alia, in-nuqqas ta’ appliazzjoni tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet mir-Russja u r-Rumanija, huwa kkunsidrat li l-livelli ta’ dazji ta’ 23 % u 38,5 % stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali għall-Kroazja u l-Ukraina rispettivament ikunu biżżejjed biex jeliminaw id-dumping ta' ħsara.
(8)
Huwa propost li, għar-raġunijiet li hemm referenza għalihom hawn fuq, is-sospensjoni parzjali tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ SST tkun estiża għal perijodu ieħor ta’ sena, skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.
(9)
Jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux applikabbli aktar, jistgħu jerġgħu jiddaħħlu l-miżuri anti-dumping u s-sospensjoni parzjali tiġi revokata minnufih.
D. KONSULTAZZJONI MA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
(10)
Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-industrija tal-Komunità bl-intenzjoni tagħha li testendi s-sospensjoni parzjali tal-miżuri anti-dumping u tatha wkoll opportunità li tagħmel il-kummenti tagħha. L-industrija tal-Komunità ma qajmet l-ebda oġġezzjoni.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-sospensjoni parzjali tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/133/KE hija b’dan estiża sat-18 ta’ Novembru 2006.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Novembru 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
G. BROWN
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 46, 17.2.2005, p. 7.
(3) ĠU L 45, 17.2.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 258/2005.
(4) ĠU L 46, 17.2.2005, p. 46.
(5) ĠU L 322, 25.11.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 1322/2004 (ĠU L 246, 20.7.2004, p. 10).
(6) ĠU L 322, 25.11.1997, p. 63.
(7) ĠU L 23, 28.1.2000, p. 78.
(8) ĠU L 246, 20.7.2004, p. 10.
(9) Ara l-premessi (9) et seq. tar-Regolament (KE) Nru 1322/2004.